Tnediet l-erbatax-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem, prespju ħaj mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru u b’aktar minn mitt attur li għal darb’oħra se joffri esperjenza unika tal-istorja tan-natività.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li qal li huwa ta’ sodisfazzjoni li qed jerġa’ jsir dan il-presepju ħaj, li kull ma jmur dejjem qed iżid fil-popolarità tiegħu.
Intqal li din l-attrazzjoni hija fost l-iżjed li tiġbed nies lejn il-gżira tat-Tliet Għoljiet f’dan il-perjodu ta’ festi.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li bħala Ministeru se jkompli jagħti s-sostenn finanzjarju biex issaħħaħ attivitajiet li jżommu ħajjin anki t-tradizzjonijiet u l-kultura f’pajjiżna.
Huwa rringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielmem u lill-voluntiera li permezz tal-ħidma tagħhom, din l-attività setgħet terġa’ ssir.