Jirritorna l-festival Ħondoq by Night, għall-11-il edizzjoni tiegħu.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-festival se jsir nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Lulju mit-8pm ‘il quddiem.
Fost l-organizzaturi hemm Qala Saints FC, il-Kunsill Lokali tal-Qala, u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, u l-Ministeru għal Għawdex.
Dan l-avveniment li jiġbed eluf ta’ nies lejn waħda mill-isbaħ bajjiet fil-gżira Għawdxija.
“Il-Ministeru għal Għawdex kull sena jkun fuq quddiem nett biex jgħin finanzjarjament sabiex jittellgħu bosta attivitajiet li jattiraw viżitaturi lejn Għawdex filwaqt li jiġġeneraw turiżmu intern. Kommessi li nkomplu nissapportjaw dawn l-avvenimenti u nsaħħuhom sabiex Għawdex jibqa’ jkun l-għażla naturali ta’ bosta matul is-sena kollha.”
Ministru Clint Camilleri
Il-line up ta’ Ħondoq by Night Festival 2023 se jinkludi wħud mill-aqwa artisti lokali, fosthom Cash & Band ft. Sean Kamati, Tenishia, Perez, Nikki u Darco. Dan filwaqt li bħalma jsir kull sena dan l-avveniment se jerġa’ jkun ħieles mill-plastik bil-għan li jiġi protett l-ambjent marittimu.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-familji kollha sabiex jattendu għal din l-attività li minn sena għall-oħra qiegħda tkompli żżid fis-suċċess tagħha.