Wara żewġ edizzjonijiet li seħħew kompletament fuq l-isfera diġitali, it-Three Palaces Early Opera and Music Festival ser jirritorna fil-format tradizzjonali tiegħu bejn l-1 u t-12 ta’ Novembru 2022.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li spjega li din id-darba l-programm ġie kkurat minn tim artistiku konġunt, magħmul minn Michelle Castelletti u Kenneth Zammit Tabona, li saħħaħ bil-bosta l-element ta’ opra Barokka fil-festival.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan l-avveniment joffri aċċessibbiltà għal diversi forom ta’ arti u għall-binjiet storiċi u sbieħ ta’ pajjiżna. “Aħna nimmiraw li niżguraw li kull forma ta’ arti hija rikonoxxuta, inkluż is-settur operistiku li fih pajjiżna qed jiddistingwi ruħu,” saħaq Dr Bonnici.
Iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal, “Grazzi għal dan il-festival qed inħeġġu l-apprezzament lejn il-wirt arkitettoniku Malti li ħafna drabi jiġi sottovalutat.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li, “Il-programmazzjoni tal-festival ta’ din is-sena hija tal-akbar importanza, peress li minħabba l-waqfa kkawżata mill-pandemija, għaqqadna b’suċċess tliet ġeneri, chamber music, opra Barokka kif ukoll ix-xogħlijiet ta’ Joseph Vella – u b’hekk ħloqna programm dinamiku li jappella lil udjenzi usa’.”
Indirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet id-diretturi artistiċi Michelle Castelletti u Kenneth Zammit Tabona.
It-Three Palaces Early Opera & Music Festival huwa organizzat minn Festivals Malta. Għall-biljetti u għal aktar informazzjoni żur www.festivals.mt.