Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar riforma fis-settur tlal-volontarjat. Din ir-riforma għandha l-għan li tara li s-settur ikollu s-saħħa u l-għodda meħtieġa biex l-organizzazzjonijiet mhux governattivi f’pajjiżna jkunu jistgħu joperaw kif suppost, filwaqt li jinħoloq bilanċ bejn dak li għandu jiġi regolat u s-simplifikazzjoni tal-proċessi.
Għal dan ir-rigward, qed ikun propost ukoll għall-konsultazzjoni pubblika li jinħoloq l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Settur tal-Volontarjat u Not For Profit, kif ukoll li jinħolqu klassifikazzjonijiet u kategoriji definiti u ċari għall-għaqdiet volontarji.
Bir-riforma proposta, għaqda volontarja se tkun qed tiġi kklassifikata skont l-istatus, l-istruttura, il-klassi u l-kategorija li topera fiha.
Ir-riforma hi intiża wkoll biex toħloq proċess ta’ reġistrazzjoni aktar sempliċi għall-għaqdiet volontarji, filwaqt li fejn jidħol dħul finanzjarju, din ir-riforma se twessa’ aktar il-kategoriji finanzjarji, liema miżura se tkun qed toffri lill-għaqdiet volontarji flessibilità akbar fl-operat.
Ir-riforma tħejjiet wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li nbeda f’Diċembru tal-2021 taħt il-Patroċinju tal-President George Vella. Minn dakinhar saru ’l fuq minn 1,300 laqgħa ma’ organizzazzjonijiet volontarji u not-for-profit u numru ta’ regolaturi. Saru wkoll żewġ proġetti ta’ riċerka mal-Università ta’ Malta.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli ħeġġet lin-nies, speċjalment lil dawk li għandhom għal qalbhom il-volontarjat, biex jgħidu tagħhom tul dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Qalet, “Irridu naraw li aktar minn 1,800 għaqda volontarja f’pajjiżna nagħmlu proċessi aktar simplifikati u allura irridu naraw il-kontribut tal-pubbliku biex dak li aħna qed nissuġġerrixu b’din ir-riforma naraw li jkollna djalogu mifrux fuq skala nazzjonali wkoll.”
Preżenti għat-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika kien hemm il-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, Jesmond Saliba.