“Lejn vetturi aktar nodfa fit-toroq tagħna”
Hekk jisima konsultazzjoni pubblika ġdida li ħabbar il-Gvern waqt konferenza li trattat strateġija li se tindirizza aktar tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju.
Fil-fatt, il-Ministeru għall-Ambjent nieda din il-konsultazzjoni pubblika li tikkumplikenta din l-istrateġija u l-miri fi ħdanha.
Dan hekk kif it-trasport f’pajjiżna jikkontribwixxi 33% għall-emissjonijiet kollha tal-karbonju f’pajjiżna.
Preżenti għal din il-konferenza attendiet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp sostenibbli Miriam Dalli hekk kif mexxiet il-Kummissjoni tal-vetturi nodfa li wettqet diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ msieħba differenti.
Qalet, “Nedejna Green Paper biex il-pubbliku inġenerali nistaqsuh numru ta’ mistoqsijiet u alternattivi differenti nkluż meta jaħsbu li nistgħu nwaqqfu l-importazzjoni ta’ karozzi b’magni konvenzjonali.”
Fil-fatt dwar din id-data, il-Ministru Dalli tenniet li din bl-ebda mod ma tfisser li min għandu jew se jkollu karozza tal-petrol jew tad-diesel sad-data magħżula jkollu jneħħiha, imma tfisser li ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu importati dawn it-tip ta’ karozzi f’pajjiżna.
Min hu interessat huwa mistieden jissottometti l-kummenti tiegħu sat-13 ta’ lulju fuq info@cleanervehicles.gov.mt.