Ġiet imendija konsultazzjoni pubblika, għat-tmien ġimgħat li ġejjin, dwar regolamenti ġodda marbuta mal-ħruġ ta’ permessi ambjentali.
Dawn ir-regolamenti proposti huma l-ewwel tax-xorta tagħhom minn mindu ġew stabbiliti l-ewwel liġijiet ambjentali f’Malta 30 sena ilu.
Dan tħabbar f’laqgħa ta’ informazzjoni mal-midja mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli.
Intqal li dawn ir-regolamenti, li jinkudu diversi setturi fosthom l-Immanġjar tal-iskart, il-biovidervsità u l-Industrija, jipprovdu qafas ambjentali li jistabilixxi l-limiti u jservu bħala gwida għall-ERA biex tirregola kwalunkwe attività, operat jew proġett li jista’ jkollu impatt fuq l-ambjent.
Ir-regolamenti l-ġodda jikkategorizzaw l-applikazzjonijiet li jaslu għand l-ERA skont ir-riskju ambjentali u li jiddeterminaw liema proċessi għandhom jiġu applikati sabiex tiġi pproċessata l-applikazzjoni. L-iskadenza taż-żmien ivarja bejn 15-il ġurnata sa 270 ġurnata għal permessi ambjentali aktar kumplessi.
Intant proġetti li diġa huma stabbiliti għandhom ukoll l-obbligu li jdaħħlu l-applikazzjonijet tagħhom fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca tenna li filwaqt li b’hekk il-permessi se jkunu disponnibli online, se tkun qed tiżdied l-effiċjenza fejn jidħlu proċessi ta’ applikazzjonijiet.
“Ħa jkollna liġi waħda li qed tistipola il-permessi ta’ attivitajiet varji u differenti ġo post wieħed. U fl-istess regolamenti qegħdin ukoll nirregolaw il-proċedura li biha se nimxu biex dawn l-applikazzjonijiet ikunu pproċessati. Qed nistipulaw ukoll iż-żmien li għandu jittieħed mill-awtorità stess sabiex tiproċessa dawn l-applikazzjonijiet.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dawn ir-regolamenti huma ambizzjużi però joħolqu bilanċ bejn it-trasparenza, iktar protezzjoni ambjentali u opportunità biex in-nies jgħaddu l-opinjonijiet tagħhom dwar operati li għaddejjin madwar Malta u Għawdex.
“L-ikbar bidla għan-nies se tkun li qegħdin nagħtu aċċess ikbar lin-nies li jkunu paretċipi f’konsultazzjoni pubblika fuq ċertu operat li jkun jirrikjedi permess ambjentali u allura l-pubbliku jkollu aċċess għall-ġustizzja u fl-istess ħin qegħdin naraw li jidħlu kriterji ambjentali għal permessi ambjentali fuq operat li sal-lum il-ġurnata ma kienx qed jintalab li jkun qed jimxi ma’ ċertu kriterji ambjentali.”