Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar nediet il-konsultazzjoni pubblika għal pjan t’azzjoni kontra r-razziżmu u l-ksenofobja. Hawn spjegat kif ħadd ma jitwieled b’attitudni ta’ mibegħda, iżda din tiġi mgħallma. Żiedet tgħid li r-razziżmu mhux riżultat ta’ mibegħda ġenwina, iżda ġej minn nuqqas ta’ għarfien.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat kif is-sentiment razzjali ilu jinħass għal żmien twil, u dan il-pjan t’azzjoni qiegħed hemm biex il-Gvern jindirizzah minflok jinħeba minnu.
Hija qalet: “Aħna llum varajna konsultazzjoni pubblika li permezz tagħha se naslu biex pajjiżna għall-ewwel darba jkollu pjan t’azzjoni bi proposti konkreti biex nindirizzaw ir-razziżmu u l-ksenofobija f’pajjiżna.”
Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat.
Fit-tnedija ngħaqdet b’mod virtwali l-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli.
Is-Segretarju Parlamentari, Alex Muscat, sostna li f’soċjetà diversa bħal m’hija Malta, m’hawnx post għal razziżmu.
Min-naħa tagħha, l-Kummissarju Helena Dalli qalet li għandna nkunu attivi kontra r-razziżmu u mhux ngħidu li m’aħniex razzisti b’mod passiv.