Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar il-politika nazzjonali dwar id-droga għall-għaxar snin li ġejjin.
Din il-politika nazzjonali, li hija t-tieni waħda tax-xorta tagħha, se tkun qed tibbaża ruħha fuq żewġ prinċipji fundamentali.
L-ewwel prinċipju huwa dak li kulħadd ikun trattat bl-istess dinjità, u t-tieni wieħed huwa li s-saħħa tal-persuna tkun imħarsa fl-intier tagħha, jiġifieris-saħħa fiżika u mentali tal-utent jitħarsu bl-istess mod.
Il-Professur Richard Muscat, li qiegħed jaħdem fuq din il-politika, spjega kif din il-politika nazzjonali se tkun qed timxi id f’id mal-istrateġija Ewropea għad-droga u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie nnutat kif dan l-aħħar id-droga qed tinxtara onlajn u mhux biss permezz ta’ kuntatt fiżiku.
L-edukazzjoni hija importanti, biex b’mod speċjali sa minn etajiet bikrin tipprevjeni l-abbuż ta’ sustanzi. Iżda, fejn il-prevenzjoni ma tirnexxix, il-politika nazzjonali qed tara li toħloq sistemi ta’ mitigazzjoni fejn l-utent ikun megħjun jegħleb il-vizzju tiegħu.
Fil-fatt, ir-riċerka turi kif l-abbuż tas-sustanzi qiegħed kulma jmur isir aktar popolari ma’ dawk iżgħar fl-età.
Din il-politika se tkun qed tiffoka fuq żewġ binarji wara li jitħejja l-qafas regolatorju li jimplimenta din il-politika. L-ewwel binarju se jkun marbut mat-tnaqqis tad-domanda minn naħa tal-utent filwaqt li se tiffoka wkoll fuq in-nuqqas ta’ provvista fejn għandu x’jaqsam it-traffikar.
Il-Professur Muscat stqarr li din il-politika se tindirizza il-benesseri tal-utent bil-għan li s-soċjetajiet ikunu aktar sani.
Il-Professur Muscat spjega li, “This policy is to look after the physical, the mental, and the social well-being of the individuals, because happy individuals make happy families, happy families make happy communities, happy communities make happy societies, and that makes a difference. So this is why in general the policy is all about.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, qal li l-poltika tfasslet mingħajr indħil politiku u b’hekk il-professjonisti kellhom l-awtonomija biex jattwaw l-aqwa politika.
Hawn il-Ministru Falzon qal li, “Huwa essenzjali, l-ewwel nett, li titlaq mill-pariri tal-esperti, pariri mediċi, pariri xjentifiċi u mbagħad, ovvjament, fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu fuq xi ħaġa li hija parti mis-soċjetà. Allura, imbagħad inti tmur għar-reazzjonijiet għand is-soċjetà inġenerali. Nemmen li b’hekk inkunu aktar realistiċi u nemmen li b’hekk inkunu nistgħu ngħinu aktar nies li jkollhom xi dipendenza fuq xi sustanza.”
Il-Ministru tkellem fuq l-importanza li ħadd ma jkun iġġudikat u li kull każ għandu jittieħed għalih. B’hekk, l-utenti, minflok għandhom ikunu ġġudikati għandhom jiġu megħjuna biex jindirizzaw id-dipendenzi tagħhom.
Il-Ministru Falzon kompla jħeġġeġ lil dawk li jagħmlu użu minn xi sustanza biex ma jiddejqux jersqu ’l quddiem u jagħmlu l-kuraġġ biex jirrikorru għall-għajnuna.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa għal ħames ġimgħat u l-opinjonijiet tal-pubbliku jistgħu jintlaqgħu permezz ta’ email fuq consultations.family@gov.mt.