Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva nieda konsultazzjoni pubblika dwar Assisted Tracking Devices fuq bażi volontarja, bil-għan li jgħin individwi dipendenti u vulnerabbli, bħal individwi li għandhom id-dimensja, li jsibu ruħhom f’diffikultà u jkunu jirrikjedu xi tip t’għajnuna immedjata. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Ġie spjegat kif waħda mill-effetti tad-dimensja hi li persuna titlef l-orjentazzjoni ta’ fejn qiegħda u taf issibha diffiċli li terġa’ tmur lura f’ambjent familjari. Stqarr li għalkemm il-mobile huwa sistema ta’ ‘tracking’, dan jista’ jintefa, jintilef jew ikun diffiċli biex jiġi operat.
Huwa spjega li għaldaqstant jeżistu għażla vasta ta’ apparat li jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward, u ħafna minn dan l-apparat jinkludi wkoll diversi funzjonijiet bħal dik ta’ tele-mediċina, fejn l-apparat jagħraf u jirrekordja parametri vitali (bħal pressjoni tad-demm u livell taz-zokkor) kif ukoll imġieba mhux tas-soltu li tista’ tfisser bidu ta’ kriżi fl-individwu.
Il-Ministru Abela tenna li l-iskop ta’ din il-konsultazzjoni pubblika hi li tinġabar l-opinjoni tal-individwi, il-familjari tagħhom u l-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur. Kompla li hemm bosta pajjiżi li introduċew dan l-apparat fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Iskandinavja, l-Italja, l-Isvizzera, l-Amerika u s-Slovakkja. Hawnhekk semma li l-Gvern Slovakk stieden lil Malta sabiex iżżur reġjun fejn qed jintuża dan l-apparat sabiex jara l-benefiċċji ta’ dan is-servizz.
Il-Ministru temm jgħid li filwaqt li japprezza t-tħassib u l-preġudizzji dwar privatezza, etika u sigurtà diġitali, jemmen li l-benefiċċji ta’ sistemi bħal dawn m’għandhomx jiġu mwarrba. Għalhekk il-Ministeru jistieden u jawgura diskussjoni miftuħa dwar dan is-suġġett.
Il-pubbliku huwa mistieden jirreġistra l-fehma tiegħu fuq is-sit elettroniku publicconsultation.gov.mt sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju 2023. Jista’ wkoll jibgħat email fuq: onlineconsultations@gov.mt.