Tnediet konsultazzjoni pubblika għas-sitt ġimgħat li ġejjin għal reviżjoni tal-politika rurali ta’ pajjiżna. Din tnediet mill-Ministru Aaron Farrugia u ċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Perit Martin Saliba.
Il-politika riveduta naturalment se tirrispetta ż-żoni rurali tal-pajjiż u hija waħda bilanċjata li timponi żvilupp għaqli. Hawnhekk il-Ministru Farrugia qal li kunċett kruċjali li l-Gvern żamm f’moħħu għal dan hu li tkun imsaħħa l-industrija agrikola tal-pajjiż.
“Se nitkellmu mal-Kamra tal-Periti, l-MDA, Ambjentalisti u esperti. Il-politika tħares li timminimizza l-iżvilupp f’żoni rorali biex inkomplu ngawdu l-ambjent. Se nħarsu lejn tliet prinċipji, fosthom li ngħinu lill-bidwi ġenwin u l-inudstrija agrikola. Il-politika tkompli tgħin u ssaħħaħ din l-industrija.”
Fl-istess ħin qed ikun propost li jinbidlu xi definizzjonijiet biex jonqos il-lok għal miżinterpretazzjoni.
“U allura tgħallimna minn żbalji fil-passat riċenti biex ma jkunx hemm lok ta’ miżinterpretazzjoni anke bħala deċiżjonijiet. Rajna wkoll xi kmamar qed jinbnew fil-pajsaġġ u rridu li jkun il-bidwi ġenwin li jkollu l-faċilità li jagħmel dan biex ma jkollniex ħafna kmamar tilgħin fil-pajsaġġ Malti.”
Il-Ministru Farrugia temm jispjega ma’ ONE News li se tingħata importanza wkoll lil żoni u speċi li huma protetti.
“Il-policy issa tħares dawn il-postijiet billi tissalvagwardjahom u ma tippermettix żvilupp f’dawn iż-żoni li jkunu protetti għaż-żmien li ġej.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar qal li kull min jixtieq jipparteċipa fil-konsultazzjoni jista’ jżur is-sit tal-awtorità stess.