L-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp t’Għawdex nediet il-viżjoni soċjo-ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin, li se sservi ta’ pjan biex l-inizjattivi, proġetti u miżuri li se jiġu implimentati f’Għawdex fil-futur, isiru b’mod li jirrispettaw l-istess strateġija li se titfassal għal Għawdex mill-Għawdxin.
Din l-istrateġija hija msejsa fuq tmien oqsma ewlenin; li jvarjaw minn żvilupp soċjali, għal titjib fl-infrastruttura u niċeċ ekonomiċi ġodda, bil-għan li jissaħħaħ il-karattru distint tal-gżira tat-tliet għoljiet u tkun imħejjija għall-futur.
It-tmien oqsma tal-istrateġija:
- Żvilupp sostennibli għal Għawdex u ħarsien ta’ spazji pubbliċi
- Infrastruttura u aċċessibilità
- Żvilupp ekonomiku u żvilupp tat-talent uman
- Niċeċ ekonomiċi ġodda
- Turiżmu sostenibbli
- Żvilupp soċjali
- Ħarsien tal-ambjent rurali u Eko-Għawdex
- Il-Kultura, il-wirt storiku u l-arti
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Mario Borg, qal li l-istrateġija għandha l-għan li tara lil Għawdex jibqa’ distint minn Malta fl-istess waqt li jkomplu jinħolqu l-opportunitajiet f’din il-gżira.
Borg spjega, “Qegħdin nipproponu viżjoni u qegħdin nipproponu numru ta’ miżuri, tmienja u tmenin b’kollox. Nixtiequ li l-pubbliku jipparteċipa u anki l-istakeholders kollha li għandhom interess f’Għawdex.”
Iċ-Chairman tal-istess Awtorità, is-Sur Michael Grech, stieden lill-pubbliku biex iwassal l-ideat tiegħu.
Grech sostna, “Dan id-dokument qed juri l-miri u l-istrateġija li Għawdex jixtieq juża fl-għaxar snin li ġejjin biex kemm jista’ jkun inġibu lil din il-gżira ’l quddiem u għall-aħjar.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nnota li peress li l-istrateġija se tkun imfassla mill-Għawdxin stess, wieħed se jifhem aħjar il-bżonnijiet u l-isfidi ta’ din il-gżira.
Il-Ministru Camilleri rrimarka, “Dan huwa l-mod ta’ kif qed jimxi dan il-Gvern anki permezz tal-awtoritajiet tiegħu sabiex fl-aħħar mill-aħħar, il-politika f’dan il-każ għal Għawdex tkun imfassla min-nies tal-gżira Għawdxija.”
Id-dokument dwar din l-istrateġija jinsab fuq is-sit tal-Awtorità – grda.mt. Kull min jixtieq jgħid tiegħu jista’ jibgħat e-mail fuq consultations.grda@grda.mt jew jimla formola li tinsab fuq is-sit tal-Awtorità.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni jintemm fl-aħħar t’Awwissu.