Tnediet konsultazzjoni pubblika biex in-naħla Maltija tiġi ddikjarata Speċi Nazzjonali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent hekk kif ġiet spjegat li fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Buskett, studenti mill-iskejjel Primarji ta’ Birkirkara u Ħal Safi kienu l-ewwel parteċipanti fil-konsultazzjoni pubblika.
Dan anke hekk kif permezz ta’ diversi attivitajiet bħal puppet show diġitali, ingħatalhom aktar tagħrif dwar in-naħla Maltija u l-importanza tagħha bħala dakkara jew pollinatur.
Permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika se tingħata aktar protezzjoni lin-naħla li wkoll għandha rwol importanti fil-ħarsien tal-bijodiversità.
L-emendi fil-leġiżlazzjoni għall-konsultazzjoni pubblika, li huma maħsuba sabiex jagħtu aktar protezzjoni lin-naħla endemika Maltija, ħadu inkonsiderazzjoni t-tħassib operattiv ta’ dawk li jrabbu n-naħal u qed tiġi proposta is-simplifikazzjoni tal-proċessi għall-permessi bejn żewġ regolaturi, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u d-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Dan sar sabiex ikunu evitati piżijiet addizzjonali għal dawk li jrabbu n-naħal.
Waqt diskussjoni mal-istudenti, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli spjegat kemm dan l-insett jissimbolizza l-impenn tiegħu għall-bijodiversità u l-ambjent.
“Irridu niddikjaraw in-naħla maltija bħala l-insett nazzjonali ta’ Malta għalhekk ftaħna konsultazzjoni pubblika li se tkun miftuħa għall-erba gimgħat u xtaqna niftħu din il-konsultazzjoni propju mat-tfal. It-tfal li tant ituna ideat differenti u l-perspettiva tagħhom, għalina hija mportanti ħafna.”
Id-Direttur għall-Ambjent u r-Riżorsi tal-ERA Darrin Stevens enfasizza fuq il-passjoni li għandhom it-tfal għan-natura.
Dan hekk kif irrimarka li din il-ħidma kompliet tikkonferma l-isforzi tal-ERA fir-rigward ta’ konservazzjoni kemm fil-qasam terrestri kif ukoll fil-qasam tal-ispeċi.
“Bħala nsett nazzjonali, il-pubbliku huwa mħeġġeġ jingħat il-messaġġi tiegħu minn fuq il-websajt tal-ERA, era.org.mt. Din il-konsultazzjoni se tkun miftuħa għall-erba ġimgħat, sa 18 ta’ Marzu.”