Ġiet mniedija konsultazzjoni preliminari mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma biex jiġi evalwat is-suq għall-pannelli fotovoltajiċi f’wiċċ il-baħar fl-ibħra territorjali ta’ Malta.
Din il-konsultazzjoni preliminari tas-suq tidentifika żona ta’ erba’ mili nawtiċi ’l bogħod mill-kosta ta’ Delimara bħala l-ewwel post fejn possibbilment jista’ jkun hemm żvilupp ta’ proġetti ta’ teknoloġija solari mqabbdin mal-grid nazzjonali u li kapaċi jiġġeneraw 50 megawatt ta’ enerġija rinnovabbli.
L-Inġiniera Abigail Cutajar, mill-Ministeru għall-Enerġija, qalet li wara diskussjoni prelimari mal-awtoritajiet u stakeholders relevanti, is-sit propost ġie identifikat minħabba li jinsab viċin l-infrastruttura elettrika tal-Enemalta f’Delimara.
Fl-istess waqt, dan l-iżvilupp ma jwassalx għal impatti viżwali mill-kosta fl-inħawi peress li l-installazzjoni ta’ teknoloġiji tax-xemx jkunu installati baxxi aktar minn installazzjoni oħrajn tal-baħar.
“Ma jfissirx, iżda, li se tkun dik iż-żona li se tkun l-aħħar żona li se tiġi magħżula, anzi b’hekk qed imorru għand economic operators, b’hekk qed niftħu premarket consultation biex jekk investituri jew operaturi varji jidentifikaw żona li hi aħjar ovvjament inkunu qed nevalwaw dik iż-żona ġdida partikoari.”
Dan il-proċess se jiffaċilita l-evalwazzjoni ta’ kemm l-investituri huma interessati f’din it-teknoloġija, biex il-Gvern ikun jista’ jevalwa kemm is-suq hu mħejji għaliha.
“Ovvjament iż-żona aħħarija hi 12-il mil nawtiku. Bejn ix-xtut tagħna sa tnax-il mil nawtiku, dik hi kollha żona disponibbli. Importanti li economic operators jieħdu inkonsiderazzjoni l-aspetti kollha varji.”
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, spjegat li l-Gvern qed jipprovdi diversi għajnuniet biex jinkoraġġixxi lill-familji u lill-imprendituri jiżviluppaw aktar sistemi ta’ enerġija nadifa fuq l-art.
Hawn, Dalli żiedet tgħid li bl-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi f’wiċċ il-baħar hi teknoloġija li għadha fil-bidu tal-iżvilupp tagħha, li se tkompli tikber fis-snin li ġejjin b’aktar riċerka u żvilupp.
“Ridna wkoll naraw x’interess jeżisti għal proġetti li huma rinnovabbli, imma li huma eqreb tal-kosta tagħna. Filwaqt li, mill-istudju li qed isir, l-aktar teknoloġiji jagħmlu sens fiż-żona esklussiva huma t-turbini tar-riħ, li huma floating. Eqreb lejn pajjiżna qed naraw x’interess hemm fejn jidħlu l-pannelli tax-xemx, li rridu jkunu floating ukoll. Nemmen li jekk ikun hemm dan l-interess lilna jagħtina aktar flessibilità biex inżidu r-rinnovabbli.”
Il-konsultazzjoni se tkun miftuħa sa l-Erbgħa 24 ta’ April li ġej.