Meta ninsabu fuq l-għatba ta’ Brexit, il-Gvern ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jsir eżerċizzju fost id-dipartiment u l-entitajiet kollha tal-Gvern bil-għan li kemm jista’ jkun jonqos l-impatt tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mingħajr ebda qbil.
Dan l-eżerċizzju se jinkludi fost oħrajn prova ta’ kif it-turisti Ingliżi se jintlaqgħu fl-ajruport u kif id-Dwana għandha titratta l-importazzjoni u l-esportazzjoni mir-Renju Unit.
F’konferena tal-aħbarijiet, il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej nieda kampanja ta’ informazjzoni bl-isem brexit be prepared biex kulħadd ikun lest għal kull eventwalità li tista’ sseħħ fil-31 ta’ Ottubru li ġej, il-jum li fih suppost ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Għal dan l-għan il-Gvern nieda l-hotline 153 u l-paġna ta’ Facebook Brexit: Be Prepared bil-għan li jkun assigurat li kulħadd ikun imħejji bl-aqwa mod possibbli.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar semma l-ħidma li saret f’diversi setturi foshtom id-dwana, is-saħħa u l-avjazzjoni biex ikunu mħejjija f’każ ta’ brexit bla ftehim wara l-aħħar ta’ Ottubru.
Is-Sur Cutajar qal li biex Malta tkun bil-fatti l-iktar pajjiż Ewropew bl-aqwa relazzjonijiet mar-Renju Unit wara Brexit, inħarġu l-permessi biex ċittadini Ingliżi jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu f’Malta.
Il-Kap tad-dipartiment tal-kordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej Glenn Micallef, elenka l-preparamenti fis-setturi kollha tal-pajjiż.
Ewlieni fost dawn hemm dak tad-Dwana, dipartiment li wara Brexit ser ikun ħafna iktar bieżel.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea spjega li “Qed nistennew numru ta’ dikjarazzjonijiet li jkunu ikbar u volum iktar ta’ traffiku li wieħed ikollu jżid mal-burden diġa li hemm fl-awtoritajiet. Allura hemmhekk kien hemm preparamenti amministrattivi ma’ dak li għandu x’jaqsam ma’ nies mal-amministrattiv tad-dwana u kellek ħidma biex jissaħħu s-sistema tal-IT tad-Dwana.”
Suq ieħor importanti mir-Renju Unit għal Malta huwa dak tal-mediċini, bis-Sur Micallef jispjega li l-Gvern għamel arranġamenti mal-produtturi fir-Renju Unit filwaqt li żied il-ħażna tal-mediċini.
Assigura li l-għada ta’ Brexit it-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit mhux ha jiġu interrotti grazzi għal regoli li nqablu fuq livell Ewropew.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li minkejja li l-Gvern Malti jibqa’ favur tluq bi ftehim għar-Renju Unit, irridu nkunu lest għal kull eventwalità u għaldaqstant, żdiedu l-preparamenti permezz ta’ eżerċizzju inter-ministerjali li jkopri l-aspetti kollha li l-Gvern għandu kontroll fuqhom.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis stqarr “Irridu nserrħu ras il-poplu Malti li aħna preparati għal din is-sitwazzjoni u l-għan tagħna hu li jkun hemm dannu mill-inqas għal ħajja tagħhom, il-mod kif jgħixu u l-interessi tagħhom.”