F’konferenza virtwali, il-Gvern nieda kampanja ta’ informazzjoni rigward BREXIT. Dan fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għar-Renju Unit li jinsab ħamsin ġurnata ‘l bogħod.
Il-Ministru għall-Affarjiet Ewropeju Barranin, Evarist Bartolo qal li l-isfidi li jġib miegħu Brexit mhumiex se jkunu faċli, iżda bħala pajjiż nistgħu inkunu preparati billi ninfurmaw ruħna b’mod konsistenti. Żied jgħid li n-negozjati staġnati u ż-żmien li dejjem jagħfas jimbuttawna sabiex inkunu preparati għal kull xenarju.
Waqt li wissa li f’inqas minn xahrejn se jibda jinħass l-effett ta’ din il-firda, il-Ministru Bartolo sostna li Malta xorta waħda se timmira li żżomm ir-relazzjoni viċin mar-Renju Unit. Dan billi ninnegozjaw b’mod dirett mar-Renju Unit fuq setturi li ma jikkonċernawx l-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali fis-settur tas-saħħa.
Qal li, “Aħna għandna relazzjonijiet tajbin ħafna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mediċina u kura medika għal persuni tagħna, dawk jistgħu iserrħu rashom għax dawk m’humiex affarjiet li jaqgħu taħt l-Unjoni Ewropea. Huma xi ħaġa ta’ bejn Malta u r-Renju Unit.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li huwa d-dover tal-Gvern li jżomm lill-pubbliku aġġornat fuq it-tibdiliet kontinwi fin-negozjati rigward BREXIT.
Spjega li x-xogħol tal-Gvern ma jieqafx hawn u ħabbar li l-Gvern identifika liema setturi se jiġu l-iktar affetwati. Fost dawn hemm l-ajruport, li huwa wieħed mill-iktar postijiet f’pajjiżna li se jara bidliet u għalhekk, il-Gvern se jkun minn ta’ quddiem biex jinforma u jassisti lil dan is-settur tant kruċjali għal Malta.
Is-Segretarju Parlamentari tenna b’appell lil dawk l-eluf ta’ Maltin li jgħixu fir-Renju Unit kif ukoll dawk il-Brittaniċi li jgħixu f’Malta, biex jiddikjaraw ir-residenza tagħhom lill-awtoritajiet relevanti immedjatament filwaqt li dejjem jinżammu infurmati.
Sostna kif, “Se jispiċċa dan iż-żmien ta’ tranżizzjoni fil-wieħed u tletin ta’ Diċembru ta’ din is-sena. Miegħu se jġib effetti u allura huwa importanti li wieħed juża l-mezzi kollha li qiegħdin iwasslu l-informazzjoni kollha dwar l-effetti ta’ BREXIT.”
Intant, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb qal li x-xhur li ġejjin se jkunu mument ta’ verità għal pajjiżna iżda anke għall-Unjoni Ewropea. Sostna li għalkemm ma nafux eżatt x’se jiġri wara ż-żmien tranżitorju, irridu nagħmlu dak kollu possibli biex inkunu preparati.