Sigurtà onlajn għalik.
Din hija t-tema tal-kampanja ta’ għarfien li tnediet dalgħodu dwar is-sigurtà diġitali għas-sentejn li ġejjin.
Din se tkun inizjattiva oħra li se tibni fuq l-ewwel strateġija nazzjonali dwar is-sigurtà diġitali għal Malta li tnediet f’Settembru tas-sena li għaddiet.
L-għan tal-kampanja huwa li tkopri l-interessi tas-sigurtà onlajn taċ-ċittadin, tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji li bħalma hu fil-każ tal-Unjoni Ewropea, jifformaw il-maġġoranza tal-ekonomija Maltija.
Tul il-presidenza Maltija tal-kunsill tal-Unjoni Ewropea, Malta wkoll ser tkun qed timmira li tippromwovi direzzjoni strateġika u konsistenti lejn għarfien dwar is-sigurta diġitali madwar l-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu, l-ministru għall-Kompetittività u l-Ekonomija Marittima u tas-Servizzi, Emanuel Mallia sostna li Malta temmen bis-sħiħ li ma jistax jinkiseb suq uniku diġitali mingħajr ma ssir aktar enfasi fuq is-sigurta u l-fiduċja bejn il-konsumaturi u l-fornituri.