‘TAKE ACTION’ huwa l-isem tal-kampanja ta’ riċerka, taħriġ u għarfien imnedija mill-Fondazzjoni Logħob Responsabbli, magħrufa wkoll bħala RGF.
Din il-kampanja hi parti minn proġett ta’ €1.1 miljun sabiex tinforma dwar l-appoġġ li l-fondazzjoni toffri meta persuna titlef il-kontroll f’ dan il-logħob.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/09/17131214/pr221191a.jpeg)
‘TAKE ACTION’ għandha l-għan ukoll li tnaqqas l-istigma u toħloq kuxjenza dwar dan il-vizzju.
Il-Kelliem tal-Fondazzjoni, Kayne Said qasam magħna l-għanijiet prinċipali ta’ dan il-proġett.
“L-ewwel ħaġa biex ninfurmaw, ngħarrfu lill-pubbliku hemm barra rigward x’iġifieri li persuna tkun responsabbli waqt l-attivita’ tal-logħob u l-logħob tal-azzard, li tkun resposabbli, li timxi mal-limitazzjonijiet tal-ħin u tal-flus. Barra minn hekk, il-fondazzjoni qed tgħarraf ukoll lill-pubbliku hemm barra rigward is-servizzi ta’ sapport.”
Il-kampanja hi maqsuma fuq tliet gruppi: tfal u żgħażagħ, il-pubbliku inġenerali u dawk diġa’ maħkuma minn dan il-vizzju, li ta kuljum jaffaċjaw bosta sfidi u li saħansitra f’istanzi jkollhom jeskludu lilhom infushom minn postijiet li jistgħu jkunu ta’ tentazzjoni.
Min-naħa l-oħra, l-atleta u ambaxxatriċi għal dan il-proġett, Leanne Bartolo stqarret li l-vizzji jaffetaw lil ħajjitna u dawk madwarna.
“Bhal kollox, once we become addicted to something, it becomes unhealthy u taffetwalna il-fields kollha ta’ ħajjitna, familja, ħbieb, xogħol. Allura l-irwol tagħna hu li kemm jista’ jkun nippromwovu l-eżerċizzju bħala mod ta’ kif wieħed iżomm bilanċ u ma jiffissax iżżejjed fuq gambling.”
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2022/09/17131228/pr221191b.jpeg)
Waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri ġewwa l-uffiċini ta’ din il-fondazzjoni, saħaq dwar l-importanza li wieħed ikun konxju mill-ewwel għal indikazzjonijiet li jippuntaw lejn dan il-vizzju. Dan il-proġett hu parzjalment iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.
Kull min għandu bżonn aktar għajnuna dwar dan il-vizzju jista’ jagħmel kuntatt permess tal-linja t’appoġġ tal-istess fondazzjoni, 1777 jew onlajn permezz ta’ chat, fuq is-sit, www.rgf.org.mt