Kont taf li waqt li tkun qed tieħu dak is-shower ta’ ħames minuti qabel jew wara ġurnata xogħol taħli madwar erbgħin litru ta’ ilma. Erbgħin litru li jagħmlu parti mill-medja ta’ mija u għaxar litri li ta’ kuljum taħli kull persuna li tgħix fil-gżejjer Maltin.
B’kollox, f’pajjiżna ta’ kull sena jinħlew mal-31 biljun litru ta’ ilma bi tletin fil-mija minnu jintuża fil-qasam tal-biedja. Minkejja li kull meta tiftaħ il-vit dejjem jinżel l-ilma, din ir-riżorsa li hja l-oriġini ta’ kull ħajja mhix indispensabbli speċjalment f’Malta li hija gżira f’nofs ta’ baħar.
Minħabba dan il-fatt l-Aġenzija għall-Konservazzjoni tal-Ilma nediet kampanja bil-għan li tkompli tkattar l-għarfien dwar l-ilma u dwar mezzi ta’ kif wieħed jista’ jnaqqas mill-ħela tal-ilma.
“Il-bidliet huma żgħar ħafna, naqra ħin inqas taħt is-shower, ma tħallix vit miftuħ, li ma tħallix vit iqattar. Mhux qed nitkellmu dwar affarijiet u differenzi kbar ħafna imma dawk id-differenzi żgħar, dik il-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna fuq skala ta’ popolazjzoni tista’ tagħmel differenza fejn rajna figuri li tara volumi tal-ilma kbar li jiġu ffrankati.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru responsabbli mill-Ilma Joe Mizzi spjega li l-edukazzjoni hija fattur importanti f’din il-kampanja.
“L-ilma huwa riżorsa importanti, mingħajr ilma m’hemmx ħajja wieħed irid jaħseb għaż-żminijiet ‘l quddiem biex ma jkunx hemm problema għal uliedna u dan irridu naħsbu fejn b’mod edukattiv imorru fil-lokalitajiet u nqassmu kits biex wieħed inaqqas mill-konsum tal-ilma jinqeda xorta mis-servizz li hemm bżonn”
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia spjega li dan il-proġett mifrux fuq medda ta’ tliet snin se jiswa €14-il miljun minn fondi Ewropej.
“Permezz tagħha qed nagħmlu għarfien akbar għall-użu tal-ilma f’pajjiżna. Nafu f’Malta l-ilma huwa skars u allura din hija parti ta 3 pilastri kbar ta’ kampanji li qed nagħmlu fil-pajjiż. Il-ħidma fil-fondi ewropej fejn jidħol l-ilma mhux bisss infrastrutturali fir-reverse osmosis u f’reverse osmosisis ġdida imma wkoll kampanji kbar li qed isiru biex nagħtu għarfien akbar dwar l-ilma u li jkollna ilma ta’ kwalità fuq il-mejda għall-familji Maltin u Għawdxin”