Id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, l-Animal Welfare, nieda kampanja ġdida għat-tiswija tal-annimali waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Għammieri, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
Wara s-suċċess tal-kampanja għat-tiswija b’xejn ta’ qtates tat-triq, li saret is-sena li għaddiet u li ġiet estiża għal din is-sena, tħabbar li se tibda dik għat-tiswija fuq il-klieb ukoll.
Għal dan il-proġett-pilota se jkunu jistgħu jibbenefikaw is-sidien ta’ klieb tal-irziezet u dawk tar-razza bully breeds, bil-għan li titnaqqas il-popolazzjoni tagħhom u fl-istess ħin l-abbandun tagħhom.
Id-Direttur tad-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Joseph John Vella, spjega l-parametri biex wieħed japplika għal din l-iskema fejn l-applikazzjoni tinħareġ fuq isem is-sid tal-kelb.
“Din l-iskema aħna ftaħniha għal persuna privati li għandhom klieb irreġistrati skont il-liġi, li jixitiequ jsewwu dan it-tip ta’ klieb. Minbarra hekk għandna miżuri oħrajn, mira oħra, li aħna nsewwu l-klieb li jkunu fuq l-irziezet, għax ikollna ħafna rapporti fuqhom u fejn jidħlu l-irziezet, aħna qed nikkunsidraw il-klieb kollha, minbarra l-klieb tal-kaċċa, għax għaddej studju dwarhom u nixtiequ nippriservaw il-genetic pool biex dan l-istudju jkun jista’ jirnexxi.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat li din hi wegħda oħra mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li qed titwettaq mill-Gvern.
Dan qed isir, għax anke meta wieħed idur is-santwarji f’pajjiżna, inkluż fi ħdan l-Animal Welfare, isib numru kbir ta’ bully breeds li jibqgħu ma jsibux min jindokrahom u jaddottahom.
“Wara s-suċċess li kellna fejn tidħol it-tiswija tal-qtates, qed naraw li nimplimentawha issa wkoll fejn jidħlu l-klieb. Għandna diversi razez, speċjalment il-mixed breeds li aħna nemmnu, anke minħabba issues ta’ temparament u anke f’sitwazzjoni li għandna overpopulation ta’ dawn ir-razzez, li nimplimentaw skema ta’ neutering b’xejn għal dawk li għandhom dawn it-tip ta’ klieb.’’
Hi għalqet billi stiednet lil dawk kollha li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema offruta b’xejn mill-Gvern biex japplikaw mill-Animal Welfare.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat imejl fuq neutering.mafa@gov.mt jew iċemplu fuq 22924369 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar.