Bħala parti mill-impenn attiv tagħha biex iżżomm is-sigurtà bħala prijorità, Fundación MAPFRE, b’kollaborazzjoni ma’ Malta Public Transport, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, nediet il-kampanja Street Smart 7.
Din l-inizjattiva tinvolvi serje ta’ vidjows li jistgħu jintwerew lil l-istudenti mill-għalliema tagħhom waqt il-lezzjonijiet tal-iskola biex juru l-importanza tas-sigurtà fit-toroq b’mod edukattiv u divertenti. L-iskejjel primarji kollha f’Malta u Għawdex huma mistiedna u mħeġġa biex jieħdu sehem.
Din il-kampanja se tkun implementata fuq perjodu ta’ tliet snin, u l-inizjattiva ta’ din is-sena se tiffoka fuq suġġetti ta’ sigurtà waqt li persuna tkun passiġġier f’karozza privata, tkun qed timxi jew tkun fuq tal-linja. Dawn il-vidjows huma mmirati għal-tfal li għandhom bejn 5 u 9 snin.
Dr Francis Fabri, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, laqa’ t-tnedija ta’ din il-kampanja. “It-tfal u l-istudenti huma aġenti tal-bidla ġenwini u huma favur dinja aħjar u iżjed ġusta. Permezz ta’ din il-kampanja, it-tfal jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet interattivi u infurmati waqt li jieħdu gost fl-esperjenza tat-tagħlim tagħhom”.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, it-tfal se jkunu mistoqsija biex jagħżlu bejn żewġ xenarji differenti waqt li naraw lil Mr Safe u l-familja tiegħu jgħaddu minn esperjenzi differenti u familjari.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas- Sigurtà fit-Toroq, Pierre Vella, qal “Kellna nieqfu f’daqqa minħabba l-pandemija wara suċċess kbir li esperjenzajna meta morna fi skejjel differenti. Kienet bid-determinazzjoni ta’ kulħadd involut mal-Fundación MAPFRE li din l-inizjattiva setgħet titkompla. Dan il-kunċett huwa innovativ, u l-iskript u l-iffilmjar nħolqu u nġibdu f’Malta, allura l-kunċett għandu aspett lokali. Idea ġdida li nisperaw li tkompli tevolvi fil-futur.”