Fuq il-baħar kun prudenti. Din hija t-tema tal-kampanja edukattiva li Transport Malta nediet biex tippromwovi mġiba responsabbli u sigura fuq il-bajjiet Maltin.
Il-kampanja ‘Be Safe at Sea’ twassal messaġġi lil sidien ta’ opri tal-baħar biex jħarsu l-limiti tal-veloċità fil-bajjiet u l-portijiet, li ħafna minnhom ikunu wkoll mimlija għawwiema. Fil-fatt, kważi n-nofs tal-kontravenzjonijiet li ħarġu s-sena l-oħra kienu minħabba l-limitu tal-veloċità. Għas-sidien tad-dgħajjes, bi preparamenti għas-Sajf minbarra l-manutenzjoni li ssir ta’ kull sena, l-awtoritajiet ppreparat mal-erbgħin rampa madwar Malta u Għawdex b’tabelli u żebgħa.
Il-kampanja hija mmirata wkoll għall-għawwiema, hekk kif l-awtoritajiet ħejjiet sitta u ħamsin żona għall-għawm fl-iktar bajjiet popolari fil-gżejjer Maltin. Din is-sena żdiedu żewġ bajjiet fuq is-sena l-oħra, waħda f’ San Tumas, Wied il-Għajn u oħra f’Kalanka, Delimara.
Biswit il-bajja tal-Ġnejna il-Ministru għat-Transport Ian Borg appella għall-prudenza u qal li Transport Malta qed tkun mgħammra iżjed biex twettaq l-infurzar.
Il-Ministru Borg stqarr, “Jiena kuntent ukoll li qed nara l-awtorità taħdem fuq aspetti leġislattivi illi tgħammar ukoll l-awtorità innifisha b’iżjed opri tal-baħar sabiex ovvjament tkun qiegħda f’pożizzjoni li tagħti s-servizz u tiżgura s-sigurtà lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-limitu tal-veloċità prinċipali fil-portijiet hija t’għaxar knots, mitejn metru mill-blat u tliet mitt metru mir-ramel.
Il-veloċità permessa tinżel sa tliet knots f’marinas u fejn irmiġġi oħra.
Id-Direttur fuq l-Infurzar Marittimu, Patrick Pollacco saħaq, “L-infurzar irid ikun għal dawk li ma jadderixxux mal-liġijiet mar-regolamenti tal-baħar biex nipproteġu sew lilhom stess biex ma jabbużawx mill-opri tagħhom u ma jidħlux fiż-żoni tal-għawwiema kif ukoll iżommu l-ispeed tagħhom qrib l-art, dak kif stipulat mil-liġi.”