Il-Gvern, flimkien mal-Università ta’ Malta, ħabbar proġett innovattiv fil-qasam tal-Quantum Computing – inizjattiva li se tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġiji futuri.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari resposabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.
Dan il-proġett se jiffoka fuq diversi oqsma, bħall-kura tas-saħħa, ix-xjenza tal-klima u l-intelliġenza artifiċjali, waqt li se jipprovdi opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ innovaturi globali ewlenin, bħal IBM, Amazon u Airbus, kif ukoll għar-riċerkaturi u l-istudenti lokali biex jaċċessaw hardware avvanzat fil-qasam tal-quantum computing.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li dan il-proġett mhux biss jirrappreżenta investiment fin-nies, imma anke fl-għarfien u fil-futur.
“Se nkunu anke f’pożizzjoni li f’Malta ssir saħansitra International Summer School fl-2026. F’din is-summer school se nkunu qegħdin nattiraw studenti internazzjonali minn madwar id-dinja kollha u anke riċerkaturi barranin.”
Keith Azzopardi Tanit, Segretarju Parlamentari
Preżenti wkoll għat-tħabbira tal-proġett kien hemm il-Professur Andre Xuereb mill-Fakultà tax-Xjenza mill-Università ta’ Malta, li sostna li dawn hu pass kruċjali lejn aktar tagħrif dwar dan is-suġġett kumpless.
“Aħna qed niġu rikonoxxuti bħala wieħed mill-gruppi ta’ riċerka ta’ portata internazzjonali u, meta qed ngħid hekk, kemm minn Malta stess kif ukoll mill-komunità internazzjonali u għalhekk għandna l-ġganti, bħall-IBM, Airbus u Amazon, li interessati jaħdmu magħna f’dan l-ambitu.”
Andre Xuereb, Professur tal-Universita’