Il-President ta’ Malta George Vella nieda l-ewwel edizzjoni ta’ ‘il-Festa tal-Festi’, li se ssir fil-Palazz Verdala bejn il-Ġimgħa 28 u l-Ħadd 30 ta’ April, b’risq The Malta Community Chest Fund.
Waqt it-tnedija, il-President Vella qal li, imnebbħa mill-festa tradizzjonali Maltija u l-ħtieġa li ngħożżu l-kultura Maltija li tagħmilna uniċi, din l-attività għandha sservi ta’ introduzzjoni għall-istaġun ferm mistenni tal-festi.
L-President ta’ Malta qal li “L-iskop ta’ dan il-festival li qegħdin nagħmlu, ovvjament, qed norbtuhom mad-dħul, li mbagħad imur għall-ġid tal-Community Chest Fund. Jiġifieri min jiġi hawnhekk ikun qed jirrikrea ruħu u jkun qed jieħu gost u jkun qed jgħin biex inġeddu t-tradizzjonijiet tagħna, però fl-istess ħin ukoll ikun qed jikkontribwixxi għal għan nobbli li sfortunatament ħafna nies jiġu bżonn l-għajnuna tiegħu. ”
Daniel Cauchi, id-Direttur Artistiku tal-attività, qal li ‘il-Festa tal-Festi’ għandha tipprovdi għarfien sħiħ ta’ x’inhi verament il-festa Maltija, il-volontarjat li jmexxiha, kif titħejja, u l-artiġjanat u t-tradizzjonijiet relatati magħha.
Is-Sur Cauchi spjega li din l-attività se tiftaħ il-Ġimgħa filgħodu b’attivitajiet edukattivi għat-tfal tal-primarja fil-Palazz Verdala. Bħala parti minn din l-attività, 40,000 student tal-primarja se jirċievu fuljett b’informazzjoni dwar il-festa tradizzjonali Maltija. Dan jinkludi fatti fuq il-festi, kalendarju tal-festi, taqbiliet, attivitajiet, u logħob bil-għan li jkattar l-għarfien dwar il-festa, il-banda u dak kollu marbut magħha fost it-tfal.
Il-Ġimgħa, 28 ta’ April filgħaxija se ssir l-ikla tradizzjonali Maltija bis-sehem ta’ komiċi u kantanti Maltin. Imbagħad, l-għada s-Sibt, se jsir kunċert mill-band popolari ‘The Travellers’. ‘Il-Festa tal-Festi’ tiġi fi tmiemha l-Ħadd b’quddiesa u bil-marċ il-kbir bis-sehem ta’ diversi għaqdiet tal-banda. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn mccf.store.
Waqt it-tnedija tkellmu wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fost oħrajn.