Tnediet il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjoanli tal-Litteriżmu. Il-Ministru Justyne Caruana qalet li din l-istrateġija, li hija indirizzata għal kulħadd f’Malta u Għawdex, tfasslet bl-għan li tagħti spinta ’l quddiem lil-litteriżmu tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji kollha f’Malta u Għawdex. Sostniet li din l-istrateġija titkellem dwar il-ħiliet bażiċi u l-kompetenzi ewlenin li kull persuna teħtieġ biex tirnexxi fl-edukazzjoni u fid-dinja tax-xogħol.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ntqal li dan huwa dokument ieħor minn sensiela ta’ strateġiji li permezz tagħhom il-Ministeru qed jaġġorna l-qasam edukattiv. Il-Ministru Caruana saħqet li dan qed isir għaliex pajjiżna jirrikonoxxi l-edukazzjoni bħala wieħed mill-pilastri ewlenin li fuqu qed tinbena l-ekonomija tagħna għas-snin li ġejjin, u għalhekk, bħala Ministru responsabbli għall-edukazzjoni, hija tinsab kommessa fl-impenn tagħha biex l-istudenti, anki dawk prospettivi, ikollhom firxa ta’ opportunitajiet fl-iżvilupp tal-valuri, il-ħiliet u l-attitudnijiet tagħhom.
Din il-ħidma se tissarraf f’aktar opportunitajiet li minnhom jibbenefikaw l-istudenti, impenn li jipprovdi lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u l-ġenerazzjonijiet futuri b’dawk il-ħiliet kollha possibbli biex ikunu jistgħu jirnexxu mhux biss fid-dinja tax-xogħol, imma wkoll fis-soċjetà tagħna.
L-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu titkellem dwar l-isfidi li toffri d-dinja mgħaġġla u li dejjem tinbidel tal-lum u tqis ukoll l-effetti fuq it-tagħlim u l-benesseri tal-istudenti li ħalliet il-pandemija COVID-19. Fuq kollox, l-istrateġija toffri miżuri, rakkomandazzjonijiet u toroq kif il-litteriżmu jista’ joktor u jissaħħaħ, u hekk jonqsu l-faqar u l-inugwaljanzi, u jkollna soċjetà aktar inklussiva u ġusta.
L-istrateġija li tnediet illum tikkonsolida u wkoll tkompli tibni fuq il-ħidma li saret f’dan is-settur imma tirrikonoxxi l-isfidi li tippreżenta d-dinja tal-lum, għalhekk tindirizza kif dawn l-isfidi jistgħu jingħelbu imma wkoll kif nibdluhom f’opportunitajiet.
Il-Ministru Justyne Caruana tenniet: “Persważa li permezz ta’ din l-istrateġija mhux biss se nkomplu nnaqqsu dawk li jħossuhom esklużi minħabba nuqqas ta’ ħiliet ta’ litteriżmu, imma permezz tagħha wkoll se naħdmu biex tfal, żgħażagħ u wkoll adulti jingħataw l-opportunità biex jiksbu ħiliet li għandhom bżonn.”
Il-Ministru ħeġġet biex dawk kollha li għandhom l-edukazzjoni għal qalbhom jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni nazzjonali u jagħtu sehem biex dan is-settur inkomplu nsaħħuh.
Preżenti kien hemm ukoll il-Professur Charles Mifsud, Dr Lara Ann Vella u David Muscat, li fasslu l-istrateġija.
Id-dokument jista’ jiġi aċċessat minn dan is-sit;