Dalgħodu tnediet għall-konsultazzjoni pubblika l-White Paper dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera. Waqt it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur, Roderick Galdes, qal li l-għan tal-White Paper hu li s-suq tal-kera jkun wieħed iktar stabbli. Din il-White Paper tiffoka fuq kirjiet residenzjali u mhux short lets jew kirijiet kummerċjali.
Dawn huma l-proposti tal-Gvern dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera:
- Qed ikunu proposti kuntratti aktar fit-tul bejn is-sid u l-inkwilin li jistgħu jwasslu lejn kirjiet ta’ sitt snin. Dan biex il-familja tal-inkwilin jistgħu iserrħu rashom li mhux se jibdlu d-dar tagħhom f’qasir żmien u jistgħu jippjanaw il-ġejjieni tagħhom u ta’ wliedhom fuq terminu medju. Fl-istess ħin, is-sid xorta jkun jista’ jirkupra l-pussess tal-proprjetà tiegħu f’każijiet aktar eċċezzjonali li telenka l-liġi.
- Il-white paper tipproponi wkoll il-possibilità li l-perjodu minimu jiġġedded b’mod awtomatiku jekk is-sid ma jagħtix l-avviż dovut lill-inkwilin qabel l-iskadenza tal-kuntratt.
- Matul id-durata li se tiġi maqbula wara konsultazzjoni pubblika, il-kera togħla mal-indiċi tal-prezzijiet tal-proprjetà u jkun hemm massimu ta’ żieda minn sena għall-oħra.
- Se jitwessa’ l-iskop tal-Awtorità tad-Djar biex din tmiss mas-settur kollu tal-akkomodazzjoni. Il-liġi tipproponi dipartiment ġdid fi ħdan l-Awtorità li se jiffoka biss fuq is-settur tal-kirjiet privati. Dan id-dipartiment se jerfa’ r-responsabbiltà tar-reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kera, iż-żieda fil-monitoraġġ tas-suq, u tisħiħ tal-infurzar.
- Il-white paper tipproponi wkoll ir-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ kull kuntratt tal-kera, bl-obbligu jaqa’ fuq is-sid tal-proprjetà.
- Qed ikunu proposti penali għal min jagħżel li ma jirreġistrax il-kuntratt tal-kera. Mal-kuntratt tal-kera li se jibda jiġi rreġistrat fl-Awtorità tad-Djar, bil-White Paper tipproponi li jibdew jiġu ppreżentati wkoll il-formola H tal-ARMS, li turi kemm ikun hemm persuni jgħixu fil-fond, u l-formola N, li tawtorizza lill-inkwilin li jkun jaf kemm ikkonsma ilma u elettriku mingħajr il-ħtieġa li jeqleb it-titlu tal-meter fuqu wara l-ħlas ta’ depożitu.
- Ġie propost ukoll li l-Awtorità tad-Djar titlob inventarju tal-affarijiet kollha fid-dar li tkun qed jinkera, u li d-depożitu li l-inkwilin jintalab iħallas fil-bidu tal-kirja jiġi rreġistrat ukoll fil-kuntratt.
- L-Awtorità se toffri mekkaniżmu ta’ medjazzjoni biex jissolva tilwim li jinqala’ bejn is-sid u l-inkwilin. Tilwim dwar manutenzjoni, depożiti, jew kontijiet tad-dawl u l-ilma se jibdew jiġu deċiżi mill-Awtorità stess.
- Dwar il-kwistjoni tal-iżgumbrament, il-white papter tagħmel tentattiv serju biex kawża ssir aktar effiċjenti. Dan għandu jwassal biex is-sentenza dwar l-iżgumbrament tingħata f’seduta waħda.
- Il-White Paper qed tipproponi wkoll it-twaqqif ta’ awla addizzjonali għall-Bord tal-Kera, sabiex it-talbiet ikunu jistgħu jiġu trattati b’aktar ħeffa.
Ix-xogħol fuq il White Paper ilu għaddej diversi xhur minħabba li saret riċerka ntensiva dwar is-suq tal-kirjiet. Il-konsultazzjoni se tintemm nhar it-30 ta’ Novembru. Il-pubbliku se jkollu aċċess għall-konsultazzjoni fuq is-sit socialaccomodation.gov.mt, je jibgħat email fuq rentreform@gov.mt.
F’kummenti ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari Galdes fakkar ukoll kif il-Gvern se jkun qed iħabbar pakkett ta’ miżuri dwar is-suq tal-kera fil-baġit li ġej. Dan kollu biex jikkumplimenta l-viżjoni ta’ Gvern Laburista għal suq tal-kera stabbli u pressjonali li kull ma jmur, dejjem qed jikber. Tant, li huwa stmat li ‘il quddiem, f’Malta jkun hawn 40,000 familja li jkunu qed jikru xi propjetà.