Ġiet imnedija f’Malta l-ewwel terapija fid-dinja għall-akne b’batterja ħajja. Dan huwa r-riżultat ta’ riċerka u żvilupp minn BioArte Limited, mil-laboratorji tagħha fil-Malta Life Sciences Park.
Il-prodott, bl-isem ta’ SkinDuoTM, juża taħlita ta’ żewġ prodotti: serum topiku li jindirizza l-iżbilanċ mikrobjali fuq il-ġilda u suppliment tal-ikel orali mmirat biex jibbilanċja l-mikrobijoti intestinali. Il-prodott juża l-probijotiċi, billi jieħu vantaġġ mill-mikroorganiżmi tajbin li diġà għandna fil-ġisem tagħna.
Ir-riċerka u l-iżvilupp tal-prodott saru possibbli grazzi għall-għajnuna mogħtija mill-Malta Enterprise permezz ta’ diversi skemi. L-appoġġ kien jammonta għal aktar minn €300,000, li kkontribwixxa għar-riċerka dijanjostika ta’ BioArte.
Skont Dr Manuele Biazzo, il-Kap Eżekuttiv ta’ The BioArte, l-għarfien li l-probijotiċi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal kundizzjonijiet tal-ġilda kien diġà hemm, iżda ħadd ma kien kapaċi, s’issa, jilħaq is-suq bi prodott bħal dan.
“It has been a pleasure to utilize the funds from the Malta Enterprise and Malta to attract the talent locally and utilize also local team to create our staff.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli kkummentat li l-SMEs jistgħu jkunu l-aġenti ewlenin tal-innovazzjoni. Għalhekk, il-Malta Enterprise qiegħda hemm biex tħeġġeġ lill-SMEs lokali u internazzjonali biex isaħħu n-negozju tagħhom lokalment u jikkontribwixxu permezz tar-riċerka u l-iżvilupp għal innovazzjoni globali li tista’ sseħħ hawn Malta.
“Tieħu gost tara kumpaniji bħall-BioArte, li wara sentejn ta’ riċerka – u ġew f’pajjiżna fejn sabu l-għajnuna tal-Malta Enterprise u emmnu f’pajjiżna bħala pajjiż jistgħu jagħmlu riċerka u l-innovazzjoni. Wara sentejn ta’ riċerka qed iressqu ’l quddiem prodott li issa se joħroġ fis-swieq tagħna; prodott li jista’ jgħin lin-nies minħabba l-kundizzjoni tal-akne.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, faħħar ix-xogħol tal-kumpanija BioArte Ltd fl-industrija tar-riċerka u l-innovazzjoni bit-tnedija tal-prodott Skin Duo.