Għelbu l-biża’, aħjar uff milli aħħ.
Dan kien il-messaġġ b’saħħtu li għaddiet is-Sinjura Michelle Muscat waqt it-tnedija tal-kampanja għal din is-sena ta’ Pink October.
Bħas-sena l-oħra din il-kampanja se twassal messaġġ b’saħħtu dwar il-kura u l-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold saħqet li jeħtieġ li aktar nisa jegħlbu l-biża’ u joqogħdu għall-eżaminar mammografiku biex b’hekk f’każ li jkollhom xi ħaġa ħażina għal saħħithom jilqgħuha minn kmieni.
Spjegat kif il-kampanja t’għarfien u kuxjenza se ssir fil-bliet u rħula madwar Malta u Għawdex.Hawnhekk aċċennat li f’Għawdex, il-kuxjenza dwar il-mard għadha trid tissaħħaħ iżjed u se jsir programm importanti b’rabta ma’ dawn it-testijiet.
Michelle Muscat saħqet ukoll fuq il-kampanja t’għarfien li se ssir fl-iskejjel.
“L-idea tagħna hi li l-ġenerazzjoni li jmiss ma tikbirx b’din il-biża’ imma jkollha diġa xi ħaġa mwittija li t-tfajliet u anki s-subien meta ħa jsiru adulti mhux se jkunu forsi jitwerwru mal-kelma breast cancer u cancer bħalma forsi l-ġenerazzjonijiet tagħna tal-lum u allura għandna l-Marigold school programme li ħa jkun qed iżur dawn l-iskejjel.”
B’rabta mal-kampanja Pink October se jittellgħu erba’ attivitajiet ewlenin li huma l-Bike Ride, Doctors in the City, il-Pink Night Walk u l-Pink Ball.
Dawn l-attivitajiet se jkomplu jiġbru flus li mbagħad il-Fondazzjoni Marigold tqassamhom fi programmi u lil għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fit-tisħiħ tal-kuxjenza għall-kanċer tas-sider.
Mart il-Prim Ministru temmet tisħaq fuq il-messaġġ b’saħħtu li għandu l-għan ikompli jsalva l-ħajjiet.
“Din il-biża’ għalkemm aħna nitkellmu dwarha, għalkemm naffaċjawha pero għad hawn ħafna nies li l-biża’ taħkimhom u allura l-idea tagħna hi li kemm jistgħu jkun ngħinu lin-nies jikkwantifikaw din il-biża’ tagħhom. Il-biża’ minn xiex? Il-biża’ għalxiex? Biex tmur tagħmel screening m’għandux għalfejn ikollok biża’ għax mhux se tweġġa’, mhux se jkollok affarijiet ta’ barra minn hawn u ovvjament jekk inti għandek xi ħaġa se tiskopri u jekk tiskopri qabel għandek iċ-ċans li tgħix u allura dejjem hemm il-pożittività li toħroġ minnha.”