Bħas-snin li għaddew, Malta se tipparteċipa fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li bdiet is-Sibt, 23 ta’ Settembru, u għandha sas-Sibt, 30 ta’ Settembru. Ġimgħa ta’ attivitajiet mifruxa ma’ 40 pajjiż bil-għan li tippromwovi stil ta’ ħajja aktar attiva lil miljuni ta’ nies kemm fl-Ewropa u wkoll f’pajjiżi lil hinn mill-Ewropa. L-enfasi din is-sena hija fuq l-involviment, l-inklużjoni u l-innovazzjoni, riflessjoni tal-bidliet fis-soċjetà kontemporanja.
Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ din il-ġimgħa huwa li titqajjem kuxjenza dwar l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu, speċjalment meta l-istatistika turi li numru sostanzjali ta’ persuni madwar l-Ewropa, inkluż f’pajjiżna stess, ma jgħixux ħajja bilanċjata li fiha jdaħħlu l-element importanti ta’ sport u eżerċizzju fiżiku.
Il-Ministru Grima, flimkien mal-Kap tal-Avvenimenti ta’ SportMalta Rosemarie Mercieca, taw dettalji tal-attivitajiet li se jsiru, matul din il-ġimgħa, fosthom l-avveniment prinċipali l-Ħadd, 24 ta’ Settembru, fit-tlieta ta’ wara nofsinhar fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. L-għan huwa li jingħaqdu flimkien diversi għaqdiet nazzjonali biex jinħoloq villaġġ sportiv b’attivitajiet divertenti li jappellaw liċ-ċittadini kollha. L-attivitajiet se jinkludu firxa vasta ta’ dixxiplini sportivi differenti li se jsiru fiż-żona kollha tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa.
L-istituzzjonijiet edukattivi kollha huma mistiedna wkoll jipparteċipaw fl-avveniment annwali tal-Jum Nazzjonali tal-Isport organizzat minn SportMalta li se jsir nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Ottubru 2023.
Il-kap tal-avvenimenti aċċennat għall-messaġġ tal-kampanja dwar kemm l-attività fiżika hija importanti għal kulħadd.
Il-Ministru Clifton Grima, filwaqt li enfasizza li l-isport u l-attività fiżika regolari huma parti kruċjali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna, qal li l-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport għandha sservi biex tippromwovi aktar azzjoni favur l-attività fiżika.