L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qed tniedi edizzjoni oħra tal-kampanja Aqra fis-Sajf, għal ħames sena konsekuttiva. L-għan huwa li t-tfal ma jitilfux il-ħiliet edukattivi li jkunu kisbu matul is-sena skolastika.
Bil-għan li tiċċelebra l-ħames sena ta’ din il-kampanja, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda torganizza wkoll sfida bl-isem ta’ Aqra Sajf 2019. Se jkunu qed jitqassmu fuljetti fiċ-ċentri ta’ Skolasajf. Kull fuljett se jkun fih 5 sfidi/attivitajiet ta’ tagħlim li jħeġġu lit-tfal jieħdu gost jaqraw aktar fis-sajf. Min jirnexxilu jlesti l-isfidi kollha, jista’ jissottometti l-fuljetti tiegħu lill-Aġenzija. Din il-kompetizzjoni hija miftuħa għal tfal bejn 5 u 16-il sena u tagħlaq il-Ġimgħa 30 t’Awwissu. Wieħed jista’ jakkwista kopja tal-fuljett mil-libreriji pubbliċi u mill-uffiċċju tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fil-Ħamrun.
Waqt din il-kampanja, se jiġu organizzati sessjonijiet ta’ Qari f’51 sena ċentry ta’ Skolasajf madwar il-gżejjer Maltin. Dawn is-sessjonijiet ta’ qari għall-gost se jingħataw minn animaturi tal-qari li se jitħarrġu mill-Aġenzija. Barra minn hekk, l-Aġenzija se tibqa’ toffri l-programmi Aqra Miegħi/Read with Me u Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories f’libreriji u postijiet pubbliċi matul is-sajf.
Il-kampanja Aqra fis-Sajf tiġi organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi sħab mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Bord tal-Għotjiet tal-Manteniment għall-Istudenti, l-entità Libreriji Maltin, id-Direttorati tal-Edukazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, kif ukoll il-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba ewlenin.
Min jixtieq aktar informazzjoni fuq il-kampanja, jista’ jżur il-paġna tal-Facebook ta’ Aqra fis-Sajf jew iċempel 2598 2992.