Tnediet il-bijografija tal-artist magħruf Elio Lombardi, bl-isem – Il-Ħajja Kreattiva Tiegħu, miktuba minn Mary Attard Din il-bijografija tinkludi ħafna mill-affarijiet li għamel Lombardi tul is-snin u li għadu għaddej bihom sal-ġurnata tal-lum minkejja li għandu tmienja u tmenin sena.
Fil-fatt, tkellimna miegħu dwar dak li għamel tul il-karriera tiegħu fejn esplora diversi talenti li għandu b’tant dedikazzjoni.
Huwa qal “Fl-aħħar tal-‘82 ħlomt li rrid nagħmel film biex nidħol membru ma’ kumpanija. Daħħaltu l-film, ‘A friend in need’, erbaħt l-ewwel u l-attur rebaħli l-aqwa attur.”
Minn dakinhar ‘l hawn ma waqaf qatt.
Lombardi li għadu sal-lum il-ġurnata jikteb il-films tiegħu permezz tat-typewriter isemmi kif darba fost l-oħrajn kien iltaqa’ mad-Direttur Ingliż Michael Klinger li kien issorprenda ruħu b’xena ta’ film ta’ Lombardi.
“Urejtu film jismu Pepita Gomez, f’dan il-film jiena għandi delitt ġo nofs il-marċ tal-festa live. Dan Klinger peress li għandu l-esperjenza skanta mhux ftit kif jiena rnexxili nagħmel dik ix-xena u min hemm qalli inti trid tiġi miegħi.”
Madanakollu, Klinger kien miet ftit wara u b’hekk Lombardi baqa’ Malta fejn kompla bil-produzzjonijiet tiegħu.
Film sinonimu ma’ Elio Lombardi huwa l-film Ġorġ Preca – Il-Bniedem t’Alla li nħadem fl-2002 iżda kien ambjentat fl-1906. Hawnhekk tispikka d-dedikazzjoni ta’ Lombardi hekk kif jirrakonta li kien jisboħ l-art tal-pjazza fejn kien ambjentat, bil-ġir sabiex jitgħatta t-tarmac li ma kienx jeżisti fi żmien l-istorja.
Barra l-produzzjonijiet awdjoviżivi, Lombardi għamel xogħol krettiv ieħor f’ħajtu, fost l-oħrajn dak ta’ rumanzier namra li wiret mingħand nannuh.
“Nannuwi li kiteb mija u għaxra, jiena kont msemmi għalih minn uliedu ħadd ma kiteb vers. Jien it-tifel tat-tifel tiegħu u kont imsemmi għalih u jien għandi ħamsa u għoxrin rumanz.”
Elio Lombardi kanta wkoll għal snin bil-lingwa Taljana kif ukoll iltaqa’ ma’ bosta artisti Taljani ta’ fama internazzjonali.
Huwa kien ukoll pittur, ħajjat u stampatur.