Skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, kull sena 80 miljun persuna fid-dinja jaħsbu fis-suwiċidju u 14-il miljun jipprovaw jikkommettu suwiċidju. Sfortunatament, seba mitt elf jirnexxielhom.
Fix-xahar tal-prevenzjoni tas-suwiċidju, il-psikjatra Mark Xuereb tkellem ma’ One News dwar is-sitwazzjoni f’Malta.
Qal, ‘F’Malta, hawn 50,000 persuna mara u raġel li qed jaħsbu fuq is-suwiċidju jew self-harm. Sfortunatament, elf persuna qegħdin verament jippruvaw ineħħu ħajjithom u sfortunatament ukoll hemm bejn wieħed u ieħor tletin persuna, mara u raġel, Malti u Għawdxi, illi jneħħu ħajjithom’.
Kien għalhekk li tnediet App bl-isem ta’ ‘Kriżi’, għal min iħoss il-bżonn li jitkellem ma’ xi ħadd.
L-għanijiet ewlenin ta’ din l-App huma li jkun hemm edukazzjoni fuq is-suwiċidju u li min ikun fil-periklu jkun jista’ jingħata l-għajnuna. Dak li jkun jista’ sempliċiment jagħfas buttuna fuq l-App u jitkellem b’mod anonimu ma’ speċjalista.
Il-psikjatra Mark Xuereb jgħaddi messaġġ ta’ tama għal dawk kollha li jinsabu weħidhom.
Stqarr, ‘Intom għandkom ħajja. Jekk intom qegħdin f’sitwazzjoni kritika ta’ kriżi, illum, għada, itolbu għall-għajnuna u jekk tafu b’xi ħadd itolbu għall-għajnuna. Ix-xahar ta’ Settembru huwa x-xahar iddedikat lill-prevenzjoni tas-suwiċidju. Ejjew flimkien inkunu membri tal-Crisis Team. Inti mintix numru. Inti għandek ħajtek. Kun eroj. Salva lilek innifsek jew salva lil xi ħadd ieħor’.