Sal-lum il-ġurnata, il-Ministeru tal-Finanzi kien qiegħed jilqa’ l-proposti mingħand il-pubbliku b’rabta mal-baġit permezz ta’ konsultazzjoni u dawk mibgħuta b’email.
Sabiex din issir ferm iktar faċli, għall-baġit tas-sena d-dieħla, il- ministeru nieda app ġdida fuq il-mobile biex il-pubbliku jibgħat is-suġġerimenti tiegħu.
Angela Buttigieg, ekonomista fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tkellmet ma’ One News dwar din l-innovazzjoni.
“Qed nagħmluha iżjed faċli biex wieħed iressaq l-ideat tiegħu għand il-Ministeru tal-Finanzi billi juża mobile app li hija Malta Budget 2020 fejn wieħed jista’ jibgħat l-ideat tiegħu mill-kumdità ta’ daru jew inkella jkun fejn ikun bażikament”, qalet Buttigieg.
L-app tista’ titniżżel b’xejn kemm minn fuq l-App Store għal min għandu iPhone u anke minn fuq Google Play għal min għandu Android.
Apparti li faċli titniżżel, faċli wkoll sabiex tintuża.
“Kulma ħa titolbok hija tliet affarijiet: l-età, il-ġeneru u se titolbok ukoll ħa jkollok post inti fejn tniżżel l-idea tiegħek. Jiġifieri hija sempliċi ħafna. Imbagħad il-bniedem jagħfas submit u din tmur awtomatikament għand il-Ministeru għall-Finanzi”, qalet l-ekonomista.
Fil-Ministeru tal-Finanzi hemm grupp ta’ nies, li tifforma parti minnu Buttigieg, u li se jkunu qed jagħrblu suġġeriment suġġeriment sabiex jagħżlu dawk fattibbli.
“Jekk naraw li huma fattibbli iva ħa ninkluduhom fil-baġit għax aħna nixtiequ wara kollox li l-baġit ikollu iżjed miżuri li ġejjin direttament mingħand in-nies għax wara kollox il-baġit huwa mimli miżuri li jolqtu lin-nies in ġenerali”, temmet tgħid Buttigieg.
Your Idea – Your Budget. Download the app #MaltaBugdet20 pic.twitter.com/1GFoqDrtdC
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) September 12, 2019