Tnediet app diġitali bl-isem MONSTAIR, biex teduka lit-tfal dwar it-tniġġis fl-arja u kif dan jista’ jkun miġġieled. Din tħaddmet mill-Awtorità għall-Ambjent tar-Riżorsi, l-ERA u se tolqot lit-tfal fl-iskejjel primarji fl-istess ħin li tipprovdi informazzjoni dwar dan il-fenomenu u l-effett li t-tniġġis għandu fuq is-saħħa.
F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li din se tkun tista’ tiġi installata fuq tablets tat-tfal tal-iskola, u se titħaddem b’żewġ logħbiet li se jgħaddu informazzjoni kruċjali dwar it-tniġġis fl-arja u l-impatt fuq is-saħħa.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li dan hu suġġett urġenti li kulħadd għandu responsabbiltà lejh, speċjalment meta wieħed iqis il-miri ambjentali ta’ Malta fejn tidħol it-tibdil fil-klima.
Qal, “Allura jeħtieġ il-kontribut ta’ kulħadd, xejn anqas minn ġenerazzjonijiet futuri li għalihom hu fuq nett tal-aġenda. Hekk il-ġenerazzjonijiet li tilgħin, permezz ta’ logħob li bihom se jkunu jafu xi jfissru l-emmissjonijiet, u prattiċi ta’ kif jistgħu jibdlu l-għajxien tagħhom biex huma u familthom jgħinuna nilħqu dawn il-miri ambizzjużi.”
Il-Ministru Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza ta’ edukazzjoni ħolistika biex uliedna jwessgħu l-għarfien tagħhom dwar suġġetti varji.
Spjegat, “L-edukazzjoni narawha bħala mhux biss iż-żmien li l-istudent jagħmel l-iskola. Irridu nippreparawhom ikunnu ċittadini li kif joħorġu mill-iskola se jkunu parti mis-soċjetà, u allura importanti li jkollhom kuxjenza ambjentali u għarfien dwar saħħithom. Hekk ilkoll flimkien, kulħadd bil-ftit tiegħu nilħqu wkoll miri ambjentali li huma importanti ħafna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, l-Perit Michelle Piccinino qalet li l-app hija eżempju ċar tal-impenn tal-Awtorità ma kull settur tal-pubbliku, inkluż it-tfal u ż-żgħażagħ.