Żball meta ngħata l-verdett wassal biex sentenza li ngħatat lil traffikant tad-droga tonqos kważi bin-nofs fl-istadju tal-appell.
Justin Zahra ta’ tletin sena instab ħati li ttraffika u kien qed jipjana li jittraffika r-raża tal-kannabis f’Settembru tal-elfejn u sebgħa.
Zahra nstab ħati wkoll li kien fil-pussess tar-raża tal-kannabis, kokaina u ecstasy.
Huwa fetaħ appell wara li kien ikkundannat tlett snin ħabs u ordnat iħallas ħamest elef ewro multa, u argumenta li l-Ewwel Qorti naqset milli tapplika tnaqqis fil-kastig li huwa kien intitolat għalih.
L-Imħallef Giovanni Grixti osserva li l-avukat ta’ Zahra talab li l-prosekuzzjoni tiddikjara jekk ir-raġel kienx jikkwalifika mill-benefiċċju ta’ tnaqqis fil-kastig, iżda bi żvista, it-talba kienet irreġistrata f’isem akkużat ieħor li kien hemm miegħu.
Dan tal-aħħar eventwalment wieġeb ħati ta’ pussess sempliċi ta’ ecstasy u nħeles mill-arrest. Dan it-tnaqqis fil-kastig ma kienx offrut lil Zahra, li spiċċa l-ħabs.