Petizzjoni fuq is-sit change.org inkitbet minn Marlene Magro, f’isem żewġha Joe. Fiha bil-ħniena talbet lill-parlamentari Maltin sabiex jilqgħu t-talba li f’Malta tkun legalizzata il-mewt assistita.
Marlene kitbet hekk, fl-introduzzjoni tal-petizzjoni li s’issa qabżet il-mitejn persuna jappoġjawha:
“Qed nikteb f’ismhu għaliex minħabba l-kundizzjoni tiegħu Joe diġà ma jistax jikteb bħalma ma jistax jagħmel diversi affarijiet oħra li kien jagħmel ta’ kuljum. Joe filfatt isofri mill-ALS li hija marda deġenerattiva u minħabba fiha wieħed jispiċċa pparalizzat, xi ħaga li Joe jibża’ ħafna minnha.
Kemm jiena u t-tfal, kif ukoll familjari oħra nifmuh għax ħadd minna ma jixtieq jispiċċa f’dik is-sitwazzjoni. Joe dejjem jinsisti magħna li qabel ma jasal f’dik l-estremità, jekk ma tkunx introdotta liġi dwar il-mewt assistita, ma tibqalux għażla oħra ħlief li jara kif se jagħmel suwiċidju, xi ħaga li tbeżżani mhux ftit għax naf li kieku ma nkunx nista’ ngħix bi kwieti kull meta naħseb li seta’ jgħix aktar fit-tul u b’kulħadd madwaru, u li mewtu kienet mewta dinjituża fis-sliem u l-ġabra tal-familja.
Permezz tal-introduzzjoni tal-mewt assistita Joe ikun jista’ jgħix trankwillament għal aktar żmien.”
Tenniet għaldaqstant it-talba tagħna sabiex il-parlamentari Maltin jintroduċu u jaddottaw liġi dwar il-mewt assistita, “sabiex Joe ikollu moħħu mistrieħ li jekk jiġi bżonn din l-assistenza, ikollu lil min jgħinu”.