Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-istaġun tas-sajf, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-pedamenti ta’ Triq it-Turisti li tinsab bejn Buġibba u l-Qawra.
Din it-triq ta’ 1.5km tħaffret fil-fond sabiex jinbidlu saffi ta’ ħamrija u materjal ieħor dgħajjef ma’ sisien tal-konkos li jservu aktar. Inbidlu wkoll servizzi għaddejjin taħt it-triq, tranġaw il-bankini u sar xi xogħol ieħor.
Din it-triq hija waħda minn tal-ewwel li ġew mibnija mill-ġdid fil-investiment bla preċedent ta’ €700 miljun li qed jara t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex jinbnew mill-ġdid. Hija wkoll fil-fatt waħda minn tal-ewwel li tlestiet.
Ikkumenta dwar dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg li qal li l-ħidma tkompli lil hinn miċ-ċikli elettorali. Saħaq li din hija waħda minn sensiela ta’ toroq residenzjali li qed isiru f’San Pawl il-Baħar, ħalli b’hekk il-kunsill ġdid b’maġġoranza Laburista jkollu l-opportunità li jiffoka fuq il-ħtiġijiet oħra essenzjali fil-lokalità.