B’investiment ta’ miljun u tliet mitt elf ewro, tlestiet Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun.
B’tul ta’ aktar minn kilometru, din hija rotta li minn Bir id-Deheb twasslek lejn in-naħa t’isfel taż-Żejtun.
Biex din it-triq inbniet mill-ġdid, intużaw kważi sitt elef u tmien mitt tunnellata ta’ asfalt, saru tlieta punt sebgħa kilometri f’servizzi taħt l-art u nbnew tnejn punt erbgħa kilometri ta’ bankini ġodda.
Dwar dan tkellimna mal-Uffiċjal tal-aġenzija Infrastruttura Malta, Noel Vella.
Vella stqarr, “Għamilna netwerk sħiħa ta’ tranġar u titjib ta’ servizzi fejn jidħol dranaġġ, titjib tal-ilma u tat-telekomunikazzjoni wkoll. Fosthom ukoll għamilna segregazzjoni bejn il-karreġġjati, fosthom biex ikun hemm titjib ovvjament biex ma jkunx hemm overtaking li kien isir maż-żminijiet.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Fredrick Azzopardi spjega kif din it-triq hija waħda mill-mijiet li saru minn din l-aġenzija.
Azzopardi spjega, “Din hija waħda minn mijiet ta’ toroq li diġà lestejna fl-aħħar xhur u anke mijiet ta’ toroq li qegħdin naħdmu fuqhom bħalissa. Din hija triq residenzjali, imma apparti t-toroq residenzjali qed naħdmu wkoll fuq proġetti kapitali u qed naħdmu fuq toroq rurali u allura x-xogħol tagħna, dak li ġie mwiegħed li nagħmlu tibdil sħiħ fl-infrastruttura tal-pajjiż, dak qegħdin inwettquh.”
Din it-triq hija waħda minn kullana li saru fiż-Żejtun f’dawn l-aħħar sentejn, b’investiment ta’ aktar minn tmien miljun ewro.
Ewlenin fost dawn hemm Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, magħrufa bħala taċ-Ċawsli.