Tlestiet triq rurali fix-Xewkija, bil-Kunsill Lokali ta’ dan ir-raħal Għawdxi ibbenefika minn mija u sebgħin elf ewro.
Triq tal-Ħorob hija triq rurali l-ġmiel tagħha qalb il-pajsaġġ Għawdxi li gawdiet minn tranġar riżultat ta’ fondi Ewropej u dawk pubbliċi.
Bħala parti mill-programm għall-Iżvilupp Rurali għal Malta sas-sena elfejn u għoxrin, f’Għawdex bosta toroq rurali qed isirilhom xogħol għall-benefiċċju tas-settur agrikolu u tal-komunitajiet rurali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar triq irranġata fix-Xewkija, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja saħaq li bosta kunsilli lokali, inkluż dawk Għawdxin, qed igawdu minn fondi allokati.
Dan ifisser ukoll li qed jibbenefikaw madwar elf u ħames mitt bidwi.
“Għal daqstant qegħdin inkomplu nimxu u ninvestu raħal raħal sabiex intejbu l-infrastruttura għall-bdiewa tagħna. Dawn huma naħseb mezzi kif il-bidwi u r-raħħal tagħna jkun jista’ jibbenifika b’mod dirett għaliex dawn it-toroq, toroq bħal dawn biex ngħidu hekk, toroq li huma fiż-żona rurali huma dawk it-toroq li jagħtu l-aċċess għar-raba’ tal-bidwi.”
Is-Sindku tax-Xewkija Paul Azzopardi wera s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol li sar u spjega kif il-Kunsill applika wkoll għall-fondi biex jiġu tranġati l-ħitan tas-sejjieħ.
Dan biex tkompli tisbieħ il-kampanja fil-madwar ta’ dan il-post fil-gżira tat-tliet għoljiet.