Inawgurat proġett ta’ restawr u tiswija fil-Buskett fejn twaħħlu ‘l fuq minn tlett elef siġra indiġena.
Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni saru matul dawn l-aħħar tliet snin b’investiment ta’ tliet miljun ewro minn fondi Ewropej.
Il-proġett ħaseb għar-restawr ta’ bosta binjiet storiċi f’dan il-bosk li sar mill-Kavallieri ta’ San Ġwann sabiex ikollhom post adekwat biex fih ikunu jistgħu jikkaċċjaw.Mark Causon, li mexxa l-proġett ta’ restawr qal li tul it-twettiq tal-proġett tħawlu tlett elef u tlett mitt siġra li nżergħu minn żerriegħa miġbura minn dan il-bosk.
Qal ukoll li tnaddaf il-wied ħalli l-ilma jkun jista’ jieħu t-triq naturali tiegħu bil-miżuri kollha sabiex ma tintilifx iżjed ħamrija.
Dan il-proġett ra l-parteċipazzjoni ta’ diversi entitajiet fosthom ta’ Nature Trust sabiex ikun żgurat li x-xogħol isir bi professjonalità.
Johann Gatt minn Nature Trust Malta jgħid kif dan il-proġett se jibqa’ jiġi sostnut u anke se jservi għall-ħarġiet edukattivi għat-tfal u l-familji.
Il-Ministru għall-Ambjent Jose’ Herrera faħħar ix-xogħol li sar mill-ħaddiema tad-Direttorat PARK filwaqt li qal li għaddejjin l-aħħar tħejjijet sabiex titwaqqaf l-aġenzija ‘Ambjent Malta’ li ser tħares il-postijiet ta’ Wirt Naturali ta’ pajjiżna bħalma’ huwa l-Buskett.
Ir-restawr li sar fuq il-ġonna u l-wied tal-Buskett bejn ir-Rabat, Ħad-Dingli u s-Siġġiewi, mistenni jkompla fuq widien oħra f’ pajjiżna.