B’investiment ta’ €100,000 tlestiet ir-riġenerazzjoni tal-Ġnien ta’ Santa Marija f’Ħaż-Żebbuġ biex b’hekk tipprovdi spazju miftuħ għar-residenti filwaqt li ssebbaħ id-daħla ta’ din il-belt.
Il-Ministru Ian Borg żar l-ispazju rikreattiv u stqarr li l-ħidma fil-komunitajiet hija prijorità għal dan il-Gvern li qiegħed jaħdem biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-Ministru Ian Borg stqarr: “F’Ħaż-Żebbuġ b’investiment ta’ kważi €100,000 wkoll komplejna nsebbħu dawn l-ispazji miftuħa. Spazji miftuħa li kulħadd jaqbel kemm huma meħtieġa fil-lokalitajiet tagħna. Kuntent ħafna bix-xogħlijiet tal-Public Works mhux biss għaliex għaddejjin b’diversi xogħlijiet imma għax ix-xogħlijiet ivarjaw minn proġetti żgħar bħal dan u wħud minnhom iżgħar u l-preparamenti li huma għaddejjin għall-akbar proġett infrastrutturali ħadrani fil-pajjiż dak tal-Malta National Park, investiment ta’ ‘l fuq minn €20 miljun f’Ta Qali li matul is-sena d-dieħla għandu jibda u jieħu spinta tajba.”
Il-Kunsillier Mark Camilleri qal li l-għan tal-proġett hu li jsebbaħ din iż-żona tar-raħal u joħloq spazju ġdid għall-komunità. Huwa sostna: “Sebbaħ l-entratura ta’ Ħaż-Żebbuġ, hawnhekk hija frekwentata minn ħafna karozzi u minn ħafna nies u saru ħafna tħawwil ta’ siġar hawnhekk u anki ġiet irranġata wkoll l-venda fejn jiġi wżat minn ħafna tfal tal-iskola.”
Il-proġett ra fost oħrajn tqegħid ta’ pavimentar u sistema ġdida ta’ dawl.