Tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett t’arja nadifa fil-Port il-Kbir hekk kif fl-aħħar sitt xhur l-aġenzija Infrastructure Malta bniet żewġ frequency converters fil-Marsa u l-Isla. Dan f’pass importanti sabiex tkun introdotta s-sistema ta’ shore-to-ship fil-Port il-Kbir permezz ta’ investiment ambjentali ta’ kważi €50 miljun.
Dan il-proġett ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea ser inaqqas mad-90% tat-tniġġis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri u tal-merkanzija fil-port ewlieni ta’ pajjiżna.
Il-Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) jinkludi l-iżvilupp tat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port.
Waqt żjara li għamel flimkien mas-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, l-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport, Ian Borg stqarr kif permezz ta’ dan il-proġett qed tintradd arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
“Il-fatt illi inti ser ikollok sistema fost l-ewwel fid-dinja, fost l-ewwel fl-Ewropa illi l-bastiment jista’ jitfi l-magni, jaqleb bl-elettriku, allura din hija l-infrastruttura li qed nibnu u hemmhekk jieqaf iniġġes, ser tkun qiegħda tbiddel b’mod radikali l-kwalità tal-arja u allura l-ħajja tan-nies.”
80% tan-netwerk prinċipali b’cables ta’ vultaġġ għoli diġà tinsab f’postha madwar il-port. Dan filwaqt li fix-xhur li ġejjin ix-xogħlijiet ser jiffukaw fuq it-tqegħdi ta’ 90 kilometru ta’ cables oħrajn ta’ vultaġġ medju u cables ta’ komunikazzjoni li jgħaqqdu t-tagħmir installat mal-istazzjonijiet max-xatt u s-17-il punt ta’ konnessjoni għal mal-vapuri li ser ikun hemm fuq il-mollijiet.
Maż-żewġ binjiet ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb fil-Marsa u f’parti mit-tinda kbira fi żmien l-Ingliżi li hemm f’Boiler Wharf, l-Isla, Infrastructure Malta qed tibni wkoll żewġ strutturi iżgħar fix-Xatt ta’ Pinto għat-tagħmir meħtieġ biex il-vapuri tal-passiġġieri jkunu jistgħu jieħdu l-elettriku mis-sistema ġdida tal-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif kważi €22 miljun qed jiġu ffinanzjati b’fondi Ewropej mill-fond Connecting Europe Facility.
“Ġibna madwar €22 miljun speċifikatament biex nagħmlu dan il-proġett. Addizzjonali ma dawk il-fondi ser inkunu bħala parti mill-fondi li ksibna mill-akbar allokazzjoni ta’ fondi li ksibna għas-seba’ snin li ġejjin sal-2027, ser inkunu qed nużaw parti mill-fondi tal-Just Transition Fund biex inkomplu nestendu dan il-proġett importanti ħafna biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u ntejbu n-nies.”