F’kummenti mal-midja fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li, aktar kmieni llum, tlestiet l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, immexxija mill-Maġistrat Marseanne Farrugia.
Il-Prim Ministru qal li l-pass li jmiss issa huwa li l-proċess verbal jgħaddi quddiem l-awtoritajiet kompetenti, b’referenza għall-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Qal, “Il-Gvern jinsab infurmat li aktar kmieni llum, il-Maġistrat inkwerenti fil-każ ta’ Jean Paul Sofia, jiġifieri l-inċident li seħħ fit-3 ta’ Diċembru li għadda f’Kordin bil-kollass ta’ binja u l-inċident fatali u korriment ta’ persuni oħrajn, għalqet il-proċess verbal tagħha u għaddiet dan lill-awtoritajiet kompetenti.”
Dr Abela spjega li l-Maġistrat kellha 60 jum li ħadithom kollha u mbagħad intalbu ħames estensjonijiet ta’ 30 jum kull wieħed. B’dan ifisser 150 ġurnata b’kollox.
Qal li nhar it-Tnejn li għadda, il-Maġistrat talbet is-sitt estensjoni u issa din ingħalqet. Hawnhekk il-Prim Ministru għamel appell lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali.
Qal, “U l-appell konsistenti li jien għamilt lill-Maġistrat, jiġifieri li tagħlaq l-inkjesta mingħajr tkaxkir tas-saqajn, nagħmlu wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll lill-Avukat Ġenerali, li issa għandhom il-funzjonijiet li skattaw fuqhom skont il-liġi wkoll, għalhekk nagħmel dan l-appell biex jeżaminaw ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Maġistrat inkwirenti mingħajr tkaxkir tas-saqajn għax dan hu dak li qed titlob is-soċjetà tagħna. Imbagħad, skont ir-rakkomandazzjonijiet, jeżerċitaw id-diskrezzjoni u l-prerogattiva tagħhom.”
Fil-kummenti mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li se jitlob lill-Avukat Ġenerali biex tgħaddilu kopja tal-proċess verbal, jiġifieri r-rapport finali dwar din l-inkjesta. Huwa qal li kif ikollu dan ir-rapport, se jkun qed jippubblikah fl-intier tiegħu.
Qal, “Il-mod, wara xulxin ta’ kif qed isiru l-affarijiet, hija dik li xtaqt sa mill-bidu nett. Sa mill-bidu għal numru ta’ raġunijiet li kelli l-okkażjoni li nispjegahom, xtaqt li l-ewwel tkun magħluqa l-inkjesta Maġisterjali, malli dik l-inkjesta tkun magħluqa, imbagħad l-awtoritajiet kompetenti jimxu mar-rakkomandazzjonijiet li tkun għamlet dik l-inkjesta, naturalment fl-eżerċizzju, skont is-setgħat u l-prerogattivi tagħhom. Imbagħad kif tingħalaq dik l-Inkjesta Maġisterjali, għal kull vojt li tħalli dik l-inkjesta fl-investigazzjonijiet tagħha jkun hemm investigazzjonijiet ulterjuri.”
Dan hekk kif fil-jiem li ġejjin se tibda inkjesta oħra, skont l-Att tal-Inkjesti, li tħabbret nhar it-Tnejn li għadda mill-Prim Ministru stess.
Mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru reġa’ tenna dwar il-ġustizzja sħiħa f’dan il-każ.
Qal, “Għalija huwa kapitlu li jdur madwar kelma waħda, it-twettiq tal-ġustizzja sħiħa, twettiq tfisser li kull min naqas, ftit jew ħafna, irid iħallas għal għemilu.”