Tlesta x-xogħol ta’ tisbiħ fuq l-għassa ta’ Marsalforn Għawdex b’investiment ta’ mija u tletin elf ewro. Dan ittrasforma l-għassa minn waħda mitluqa għall-aħħar għal waħda moderna u tal-ogħla kwalità.
Il-Ministri Byron Camilleri u Clint Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, żaru l-post u esprimew sodisfazzjon għal kif ix-xogħol li sar jikkumplimenta wkoll investiment li riċentament sar fiż-żona turistika li hi frekwentata wkoll minn eluf ta’ persuni.
L-għassa issa se tkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità wkoll grazzi għal faċilitajiet ġodda li kienu parti mill-proġett. Dan ikkumplimenta wkoll il-viżjoni tal-gvern għal aktar pulizija fit-triq, u l-korp tal-pulizija qed jistudja kif jista’ juża l-propjetajiet tiegħu aħjar.
Il-Ministru Camilleri qal: “Sar investiment ta’ mija u tletin elf ewro li se jgħin biex jopera l-korp tal-pulizija, imma anke servizzi bħal tal-community policing biex fiż-żmien li ġej ikollu binja minn fejn jista’ jopera u jagħti servizz aħjar lir-residenti Għawdxin.”
Il-Ministru Clint Camilleri qal li dan il-proġett ifisser titjib fl-ambjent fejn jaħdmu dawn il-pulizija, u kif proġetti tal-gvern għandhom jikkunsidraw ukoll rinovar u manutensjoni f’binijiet li jatħu servizz kruċjali lill-pubbliku.
Huwa qal: Inħarsu ‘l quddiem għal aktar investimenti u bdejna niddiskutu biex f’Għawdex jibda l-community policing f’din iż-żona biex nissalvagwardjaw lir-residenti taż-żona.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dan kollu huwa parti minn strateġija għall-korp tal-pulizija li tħabbret ftit ilu.
Huwa sostna: ” Din l-istrateġija aħna kommessi li l-pulizija nipprovdulhom l-aqwa mezzi biex jaħdmu. Il-post minn fejn naħdmu ikun tal-ogħla kwalità biex in-nies tagħna jipprovdu l-ogħla servizz b’motivazzjoni. Il-pubbliku jixraqlu wkoll li meta jiġu bżonn il-pulizija jsibu post li jilqagħhom.”