B’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro, l-Aġenzija Sapport għaddejja bi proġett ta’ ristrutturar u tisbiħ fil-Learning Hub t’Għajnsielem, f’Għawdex.
Dan il-proġett, li hu mifrux fuq tliet snin, huwa maħsub li jkompli jżid l-ispazju minn fejn l-Aġenzija Sapport u entitajiet oħra, iwasslu servizzi f’ambjent modern u aċċessibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, enfasizza dwar il-bżonn u l-impenn tal-aġenzija li tinvesti f’Għawdex.
Scicluna stqarr, “Minn hawn ’il quddiem nixtiequ nħarsu li nkabbru l-operat tal-aġenzija f’Għajnsielem Hub filwaqt li ningħaqdu ma’ entitajiet oħrajn biex flimkien noħolqu centre point fejn jiltaqa’ kulħadd u l-Għawdxin ikollhom is-servizzi li qed jingħataw ġo Malta, ġol-gżira ta’ Għawdex stess.”
Waqt żjara uffiċjali, il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli qalet li b’dan il-proġett, persuni b’diżabilità f’Għawdex jingħataw l-aqwa servizz possibbli, fl-aħjar ambjent possibbli.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, saħaq li l-persuni b’diżabilità dejjem kienu għal qalb dan il-Gvern u xhieda ta’ dan huma n-numru kbir ta’ inizjattivi li twettqu matul l-aħħar snin.