Ġiet fi tmiemha l-ewwel parti tal-proġett tar-restawr tal-Mużew Marittimu Malti fil-Birgu. L-ewwel fażi tax-xogħlijiet, b’investiment sħiħ ta’ żewġ miljun ewro (€2,000,000), rat ir-riġenerazzjoni tal-aktar partijiet li kellhom bżonn attenzjoni primarja u t-twaqqif tat-Taqsima tad-Diġitalizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta.
Il-proġett hu kofinanzjat minn fondi Norveġiżi.
It-tieni fażi tal-proġett, li tinkludi r-restawr, l-immodernizzar u d-disinn tal-bqija tal-ispazji fil-Mużew, fosthom l-esebizzjoni permanenti u l-interpretazzjoni, bħalissa miexja ġmielha wkoll.
Meta jintemm kompletament il-proġett, il-Mużew Marittimu se jkun ġawhra oħra fil-katina ta’ suċċessi ta’ Heritage Malta, anke wara l-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet fil-Palazz tal-Granmastru, fil-Belt.
Il-Mużew Marittimu se jiggarantixxi esperjenza li ddur mal-ħtiġijiet tal-viżitatur, permezz ta’ interpretazzjoni effettiva, l-aktar teknoloġija moderna u t-twettiq tal-aħħar xejriet fil-qasam tal-mużeoloġija.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr, il-Mużew Marittimu laqa’ fi ħdanu delegazzjoni uffiċjali mit-tim tal-EEA Norway Grants.
Torill Johansen, Viċi-Direttriċi tas-Sezzjoni għall-EEA Grants u l-Ewropa Ċentrali fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Gvern Norveġiż, saħqet li n-Norveġja hi kburija ħafna li kkontribwiet f’dan il-proġett ta’ Heritage Malta biex jitwasslu dawn il-partijiet importanti tal-wirt storiku lill-pubbliku.
Saħqet kif kemm għan-Norveġja kif ukoll għal Malta il-wirt marittimu u kostali hu parti integrali mill-qafas tal-identità kulturali u ż-żewġ pajjiżi huma kommessi li jħarsu dan il-wirt u jarawh jitgawda mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Waqt li radd ħajr lit-tim involut fil-Mużew Marittimu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, esprima sodisfazzjon li l-fondi mill-EEA Norway Grants servew ukoll biex jattiraw finanzjament nazzjonali li jiżgura t-tlestija tal-proġett b’suċċess.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Chris Fearne, qal li dan mhux l-ewwel progett li qiegħed isir permezz ta’ fondi Norveġiżi.
Hawn spjega li waħda mill-karatteristiċi li jiddefinixxu lil pajjiżna hu bħal dubju r-restawr u kemm hu ġust li jsir restawr tal-istorja ta’pajjiżna.
“Hu ġust u għaqli li fondi kemm nazzjonali kif ukoll f’dan il-każ Norveġiżi jintużaw ukoll biex inżommu ħajja l-istorja ta’ pajjiżna, biex inkomplu nippriservaw u nirrestawraw.”
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Owen Bonnici, saħaq li l-Mużew Marittimu hu sit importanti ħafna mhux biss għall-Kottonera, imma anke għal pajjiżna kollu kemm hu u feraħ lil Heritage Malta ta’ dan il-proġett sabiħ.
“Niċċelebraw it-tlestija tal-ewwel fażi tal-proġett tal-Mużew Marittimu. Għadna kif lestejna il-proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru, illum qed niċċelebraw din il-ġurnata flimkien. Pajjiżna u l-baħar huma konnessi flimkien, l-istorja ta’ pajjiżina hija l-istorja marittima wkoll.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, enfasizzat ir-rabta ta’ dan is-sit mal-komunitajiet tal-Kottonera fejn diversi Maltin u anke turisti jżuru dan il-Mużew.
“Ir-restawr ta’ postijiet storiċi, mużewijiet, bħalma hu l-Mużew Marittimu, biex ikompli jżid u jagħti valur addizzjonali lill-komunitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli
Sadanittant, b’rabta mat-tlestija tar-restawr li sar, tnediet wirja ġdida dwar ir-rabta kbira ta’ pajjiżna mal-baħar.
Mid-9 ta’ Frar, il-Mużew Marittmu se jkun miftuħ kuljum, minbarra nhar ta’ Tlieta, bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ waranofsinhar matul Frar, u mill-10.00 ta’ filgħodu sas-6.00 ta’ filgħaxija bejn Marzu u Diċembru.
Il-Mużew hu aċċessibbli wkoll għal persuni li jużaw siġġu tar-roti.
Għal aktar tagħrif tista’ żżur: https://maltamaritimemuseum.mt/