Waslet fi tmiemha l-ewwel fażi tal-proġett ta’ tisbiħ tul ix-Xatt tal-Qajjenza f’Birżebbuġa. Il-proġett ġab miegħu bosta sfidi iżda wassal għal dehra ġdida u isbaħ li se jgawdu minnha r-residenti ta’ Birżebbuġa u dawk kollha li jagħmlu użu minn din it-triq.
Il-perit responsabbli mill-proġett Matthew Briffa qal li l-ewwel fażi tal-proġett wassslet biex filwaqt li twessgħet it-triq, is-servizzi kollha ġew mgħoddija mil-ġdid fil-ġenb tat-triq minflok minn taħt l-asfalt biex f’każ ta’ manutenzjoni ma terġax tinqala t-triq.
Fuq talba tar-residenti nbnew ukoll turġien ġodda li għamlu l-aċċess għall-baħar iżjed komdu u aċċessibbli.
Anne Casha, il-Perit inkarigata mit-tieni fażi tal-proġett qalet ma’ ONE News li hekk kif tlesta l-bini tal-promenad tul ix-xatt, ser jibda x-xogħol biex fost oħrajn jitwaħħal il-madum u s-sistema ġdida ta’ dwalijiet. P
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li l-Gvern ordna lill-kuntrattur biex bi spejjeż tieħu jibdel ir-railings li twaħħlu mal-promenad wara li rriżulta li ma kinux ta’ kwalità mixtieqa.
Ix-xogħol relatat mat-toroq huwa lest, kif wieħed jista jara, fadal xi jsir f’ dak li għandu x’jaqsam mal-promenade u r-railings. Infurmat mit-tekniċi li l-prodott li l-prodott li wasal u kien installat ma kienx ta’ sodisfazzjon f’ dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalità. Servizz inferjuri aħna mhux se naċċettawh, aħna nħallsu minn flus il-poplu biex ikollna servizz tajjeb.
Il-Ministru Ian Borg, irrikonoxxua l-inkonvenjent li nħoloq lir-residenti biex tlesta dan il-proġett u żied jgħid li huwa għalhekk li l-Gvern qed jaħdem qatiegħ biex titwaqqaf aġenzija li tieħu ħsieb ix-xogħlijiet tat-toroq. Dan biex jiġi żgurat li jkun hemm iżjed kordinazzjoni biex ix-xogħol mhux biss isir fil-ħin, iżda jsir bl-inqas inkonvenjent possibbli.