Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ġie ppreżentat bil-konsiderazzjonijiet tal-Imħallef Philip Sciberras permezz ta’ rapport ta’ inkjesta dwar il-każ tal-minuri Victoria Aluko li tilfet ħajjitha matul il-lejl tal-Ħadd, 21 ta’ Jannar 2018. Din l-inkjesta ntalbet mill-Ministeru stess.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li huwa kommess li jippubblika dan ir-rapport ta’ inkjesta fl-iqsar żmien possibbli. Qal li minħabba li għaddejja inkjesta maġisterjali separata, ittieħed parir legali mingħand l-Avukat Ġenerali dwar meta għandha tiġi ppubblikata din l-inkjesta.
Fid-dawl ta’ dan il-parir, il-Ministeru qal li l-pubblikazzjoni se tkun posposta sakemm tintemm l-inkjesta maġisterjali, sabiex l-inkjesta maġisterjali, li l-proċess tagħha għadu ma ntemmx, ma tkunx preġudikata jew b’xi mod influwenzata.
Madankollu, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qal li se jkun qed jieħu konsiderazzjoni tal-kontenut tal-imsemmija inkjesta fejn jidħlu materji ta’ natura amministrattiva b’mod immedjat.