Tlestiet fażi mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-port ta’ Marsamxett, fejn tlesta r-restawr fuq iż-żona magħrufa bħala tal-Blata.
F’din iż-żona sar xogħol ta’ pavimentar, fejn ġew installati servizzi ġodda taħt l-art u tindif estensiv tal-faċċati.
ONE News tkellem mal-Perit Stefan Cassar, li sostna kif ġiet installata wkoll sistema ta’ dawl ġdid li tikkumplimenta l-karatteristiċi arkitettoniċi tal-binjiet, hekk kif dawn jiġbdu l-għajn ta’ bosta turisti u anke Maltin.
Huwa spjega wkoll kif il-kuluri li ngħataw lill-gallariji u l-aperturi tal-bini għandhom is-sinifikat tagħhom, hekk kif ġew miżbugħa skont iż-żmien li nbnew.
Qal, “Maż-żmien dawn ġew miżjuda fis-sulari, ġew mibdula, ġew restawrati maż-żmien. Anke bħala sidien, hemm binjiet li s-sidien ħadu l-binja kollha allura l-interventi kienu fuq il-faċċata sħiħa.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi, innota kif dan il-proġett mhux biss huwa wieħed li jippriserva l-istorja, iżda anke soċjali, hekk kif f’dawn il-binjiet jgħixu mat-tmenin resident.
Sostna kif din ir-riġenerazzjoni taż-żona tal-Blata hija biss parti mill-proġett tar-riġenerazzjoni tal-port ta’ Marsamxett.
Spjega, “Il-proġett kollu ġie jiswa madwar ħamsa u għoxrin miljun ewro minn fondi Ewropej. Ilu għaddej mis-sena 2018 u għandu jkun lest sa bejn wieħed u ieħor, il-bidu tas-sena 2023. Kif spjegajt hemm diversi proġetti li jinkludi fih, l-ewwel bdejna bir-restawr tas-swar, restawr tal-bereġ, ta’ bini storiku, imbgħad għaddejna għall-aspett soċjali li kien komponent qawwi ħafna f’dal-proġett.”