Mara ndarbet gravi wara li baqgħet dieħla f’arkata fil-Furjana.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tas-13:30 fi Triq Sant’ Anna, il-Furjana.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar, irriżulta li mara, ta’ 50 sena residenti l-Qrendi, tilfet il-kontroll tal-vettura tat-tip Citroen C1 u b’konsegwenza t’hekk seħħ impatt ma ħajt fl-istess triq.
Membri mill-Protezzjoni Ċivili assistew sabiex il-mara tinħareġ mill-vettura u fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex tingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qiegħda issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.