Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret kif illum intlaħqet mira importanti fl-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19.
Dan hekk kif 80% tal-popolazzjoni adulta fl-Unjoni Ewropea tlaqqmet bil-vaċċin kontra l-Coronavirus.
It-tilqim fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea beda fl-aħħar tas-sena 2020, hekk kif il-vaċċin beda jitqassam fil-pajjiżi Ewropej, fosthom Malta.
Dan hekk kif sar xiri konġunt mill-Kummissjoni Ewropea tal-vaċċin u s’issa ġew approvati ħames tilqimiet. Dawn huma tal-Pfizer, AstraZeneca, Moderna, Johnson & Johnson u Novavax.
Fuq il-midja soċjali, il-Kummissjoni Ewropea qalet kif il-prijorità tibqa’ li jkun hemm aktar nies li jitlaqqmu u anke li l-Unjoni Ewropea tkompli tibgħat it-tilqim lill-pajjiżi foqra.
Qalet kif it-tilqim jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini u anke ta’ dawk ta’ madwarhom.